IL-KUMMISSJONI NAZZJONALI FAMILJA TIPPREŻENTA RIĊERKA DWAR IL-FAMILJA
L-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, illum fetħet Seminar Pubbliku ta’ riċerka dwar il-familja mtella mill-Kummissjoni Nazzjonali Familja (KNF) bit-tema Nistħarrġu Aspetti Differenti mill-Familji Maltin Illum.
Is-Seminar huwa parti mit-twettiq tal-pjan ta’ ħidma tal-Kummissjoni għas-sena 2007, li jinkludi t-tixrid ta’ riċerka ġdida dwar il-familja u konsultazzjoni pubblika li twassal għal abbozz ta’ Politika Nazzjonali dwar il-Familja.
Waqt id-diskors tagħha, il-Ministru Cristina rringrazzjat lil kull min ħadem b’ġieħ il-Kummissjoni tul is-snin u qalet li l-familja fil-fatt hija waħda mir-realtajiet universali. "Aħna rridu nżommu l-familja magħquda għaliex soċjetà li tqiegħed il-familja fiċ-ċentru tagħha, li tqiesha bħala l-qalb tagħha, bħala s-sisien, tista’ biss timxi ’l quddiem. Għalhekk irridu nagħmlu minn kollox biex insaħħuha," sostniet il-Ministru. Hija semmiet li Malta, bħal ħafna pajjiżi oħra, qed tgħix mumenti ta’ tibdil mgħaġġel u allura hemm bżonn li nagħmlu analiżi fil-fond sabiex naslu għat-tfassil ta’ policies ibbażati fuq riċerka soċjali. "Irridu nagħrfu wkoll li f’dan il-qasam id-djalogu jrid jibqa’ għaddej, b’mod kontinwu, flimkien ma’ diskussjoni miftuħa u studji biex b’hekk iseħħ dak it-tibdil li hemm bżonn skond iż-żminijiet, imma dejjem u qabel kollox tibdil li jibqa’ jirrifletti prinċipji sani u sodi," kompliet il-Ministru Cristina. Hija temmet billi qalet li grazzi għar-riċerka u konsultazzjoni li għamlet u li qed tagħmel il-Kummissjoni, din ser tkun tista’ tirrifletti fuq il-prijoritajiet biex ikollna stampa ċara fuq xhiex nistgħu nibnu l-Politika Nazzjonali tal-Familja li tant hija mixtieqa.
Ir-riċerka li ġiet ikkommissjonata mill-KNF tagħmel parti mill-pjan ta’ ħidma tagħha għas-sena 2007. Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka ser jittieħdu in konsiderazzjoni fit-tiswir ta’ l-abozz tal-Politika Nazzjonali dwar il-Familja li l-KNF ser tippreżenta lill-Gvern fl-aħħar ta’ Mejju 2007.
Sandro Spiteri, Chairman tal-Kummissjoni, qal li huwa sodisfatt ħafna li l-KNF kienet qed tilħaq l-għan tagħha li tgħin fil-pjanifikazzjoni nazzjonali permezz ta’ riċerka f’medda ta’ oqsma. Huwa rringrazzja r-riċerkaturi ta’ l-impenn tagħhom u talli aċċettaw li jaħdmu fi żminijiet qosra.
“Din ir-riċerka mhux biss se twassal informazzjoni ġdida lill-pubbliku Malti dwar il-qagħda tal-familji Maltin, imma żgur li se tiftaħ mogħdijiet oħra ta’ inkjesta ’l quddiem,” huwa qal. “Filwaqt li rridu nkunu konxji ta’ x’qed jiġri ’l barra minn xtutna f’dan il-qasam, irridu l-ewwel inkunu nafu x’inhi r-realtà tagħna llum fil-familji ta’ madwarna. Inkella nkunu qed nippjanaw mhux skond ir-realtà u l-aspirazzjonijiet leġittimi tagħna, imma skond immaġini fittizja tas-soċjetà,” ikkonkluda s-Sur Spiteri.
Mid-disa’ proġetti ta’ riċerka li kkummissjonat il-KNF, illum ġew ippreżentati ħamsa li tnejn minnhom huma konklużi u li tlieta minnhom huma works in progress. Dawn il-ħamsa jittrattaw:
· Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-KNF lejn Politika Nazzjonali tal-Familja;
· L-effett tas-saħħa mentali fuq il-familja;
· Il-Qorti l-Ġdida tal-Familja – l-impatt fuq il-familja;
· Il-familja u l-faqar: proposti ta’ policy; u
· L-impatt tal-leġislazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea fuq il-liġi Maltija tal-familja.
Mill-erba’ proġetti oħra ta’ riċerka hemm uħud li għadhom qed jibdew u oħrajn li waslu fi stadju konklużiv.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959