Left arrow Go Back

IL-KUMMISSJONI NAZZJONALI FAMILJA TIPPREŻENTA RIĊERKA DWAR IL-FAMILJA

PR0550
Date Icon 18/04/2007

L-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, illum fetħet Seminar Pubbliku ta’ riċerka dwar il-familja mtella mill-Kummissjoni Nazzjonali Familja (KNF) bit-tema Nistħarrġu Aspetti Differenti mill-Familji Maltin Illum.  

Is-Seminar huwa parti mit-twettiq tal-pjan ta’ ħidma tal-Kummissjoni għas-sena 2007, li jinkludi t-tixrid ta’ riċerka ġdida dwar il-familja u konsultazzjoni pubblika li twassal għal abbozz ta’ Politika Nazzjonali dwar il-Familja.  

Waqt id-diskors tagħha, il-Ministru Cristina rringrazzjat lil kull min ħadem b’ġieħ il-Kummissjoni tul is-snin u qalet li l-familja fil-fatt hija waħda mir-realtajiet universali. "Aħna rridu nżommu l-familja magħquda għaliex soċjetà li tqiegħed il-familja fiċ-ċentru tagħha, li tqiesha bħala l-qalb tagħha, bħala s-sisien, tista’ biss timxi ’l quddiem. Għalhekk irridu nagħmlu minn kollox biex insaħħuha," sostniet il-Ministru. Hija semmiet li Malta, bħal ħafna pajjiżi oħra, qed tgħix mumenti ta’ tibdil mgħaġġel u allura hemm bżonn li nagħmlu analiżi fil-fond sabiex naslu għat-tfassil ta’ policies ibbażati fuq riċerka soċjali. "Irridu nagħrfu wkoll li f’dan il-qasam id-djalogu jrid jibqa’ għaddej, b’mod kontinwu, flimkien ma’ diskussjoni miftuħa u studji biex b’hekk iseħħ dak it-tibdil li hemm bżonn skond iż-żminijiet, imma dejjem u qabel kollox tibdil li jibqa’ jirrifletti prinċipji sani u sodi," kompliet il-Ministru Cristina. Hija temmet billi qalet li grazzi għar-riċerka u konsultazzjoni li għamlet u li qed tagħmel il-Kummissjoni, din ser tkun tista’ tirrifletti fuq il-prijoritajiet biex ikollna stampa ċara fuq xhiex nistgħu nibnu l-Politika Nazzjonali tal-Familja li tant hija mixtieqa. 

Ir-riċerka li ġiet ikkommissjonata mill-KNF tagħmel parti mill-pjan ta’ ħidma tagħha għas-sena 2007. Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka ser jittieħdu in konsiderazzjoni fit-tiswir ta’ l-abozz tal-Politika Nazzjonali dwar il-Familja li l-KNF ser tippreżenta lill-Gvern fl-aħħar ta’ Mejju 2007.  

Sandro Spiteri, Chairman tal-Kummissjoni, qal li huwa sodisfatt ħafna li l-KNF kienet qed tilħaq l-għan tagħha li tgħin fil-pjanifikazzjoni nazzjonali permezz ta’ riċerka f’medda ta’ oqsma. Huwa rringrazzja r-riċerkaturi ta’ l-impenn tagħhom u talli aċċettaw li jaħdmu fi żminijiet qosra.  

“Din ir-riċerka mhux biss se twassal informazzjoni ġdida lill-pubbliku Malti dwar il-qagħda tal-familji Maltin, imma żgur li se tiftaħ mogħdijiet oħra ta’ inkjesta ’l quddiem,” huwa qal. “Filwaqt li rridu nkunu konxji ta’ x’qed jiġri ’l barra minn xtutna f’dan il-qasam, irridu l-ewwel inkunu nafu x’inhi r-realtà tagħna llum fil-familji ta’ madwarna. Inkella nkunu qed nippjanaw mhux skond ir-realtà u l-aspirazzjonijiet leġittimi tagħna, imma skond immaġini fittizja tas-soċjetà,” ikkonkluda s-Sur Spiteri. 

Mid-disa’ proġetti ta’ riċerka li kkummissjonat il-KNF, illum ġew ippreżentati ħamsa li tnejn minnhom huma konklużi u li tlieta minnhom huma works in progress. Dawn il-ħamsa jittrattaw:

·        Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-KNF lejn Politika Nazzjonali tal-Familja;

·        L-effett tas-saħħa mentali fuq il-familja;

·        Il-Qorti l-Ġdida tal-Familja – l-impatt fuq il-familja;

·        Il-familja u l-faqar: proposti ta’ policy; u

·        L-impatt tal-leġislazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea fuq il-liġi Maltija tal-familja.  

Mill-erba’ proġetti oħra ta’ riċerka hemm uħud li għadhom qed jibdew u oħrajn li waslu fi stadju konklużiv.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow