IĊ-ĊENTRU GĦAWDXI TA’ L-ARTI U L-ARTIĠJANAT WISTIN CAMILLERI JIPPARTEĊIPA F’WIRJA INTERNAZZJONALI TAL-BIZZILLA
Rappreżentanti miċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri riċentament irritornaw lura lejn Għawdex wara li pparteċipaw f’wrija internazzjonali tal-bizzilla li kienet organizzata fi Spanja. Pajjiżi oħra li ħadu sehem f’din il-wirja kienu Franza, l-Italja, l-Ingilterra, l-Indja u l-Kanada.
Xogħlijiet tal-bizzilla Għawdxija kienu għal wiri fuq stand li kien mgħammar b’diversi artikli ta’ bizzilla tradizzjonali kif ukoll kontemporanja, inkluż il-bizzilla li tiġi wżata fi ħwejjeġ tal-moda. Intwerew ukoll oġġetti relatati mal-ħidma ta’ dan ix-xogħol artiġjanali bħal ċombini ta’ l-injam u oġġetti oħra. Għall-ewwel darba ċ-ċertifikat ‘Made in Gozo’ kien mehmuż ma’ l-esebiti kollha. Dan iċ-ċertifikat, mniedi mill-gvern is-sena li għaddiet, jiċċertifika l-ġenwinita’ ta’ l-oriġini ta’ dawn il-prodotti lokali. Uħud minn dawn l-esebiti kienu jinkludu xogħol li bħalissa qed jiġi mgħallem fil-korsijiet tal-bizzilla li qed jiġu offruti fiċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Ministeru għal Għawdex.
Minn barra xogħlijiet fil-bizzilla ġie pprovdut ukoll materjal ta’ informazzjoni bil-lingwa Spanjola kif ukoll Ingliża. Ġew imqassma wkoll pastini tradizzjonali tal-lewż, magħrufa bħala bankunċini, lil dawk kollha li żaru lil din l-istand. Ħafna kienu dawk li ġew impressjonati bil-livell tax-xogħol esebit b’attenzjoni partikolari tiġi mgħotija lil dawk l-artikli li kellhom id-disinn tas-salib ta’ Malta. Din l-inizjattiva kienet possibli bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex kif ukoll tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat.
Bħalissa għaddej xogħol intensiv fuq proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja ta’ estensjoni fuq l-istess Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri kif ukoll il-proġett tal-bini ta’ Crafts Incubation Centre biex jinkoraġġixi aktar nies tas-sengħa jkunu mħajra jiftħu attivita’ għal rashom f’dan il-qasam, u b’hekk jikkontribwixxu dejjem iktar fl-iżvilupp ta’ l-ekonomija ta’ Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959