Left arrow Mur Lura

IL-PRESIDENT EDDIE FENECH ADAMI PPREŻENTAT BIL-KOPJA TAL-KONVENZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA DWAR ID-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ

PR0543
Date Icon 17/04/2007

Waqt żjara li l-President Eddie Fenech Adami għamel fl-uffiċini tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, huwa ġie ppreżentat b’kopja bil-Malti u bl-Ingliż tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Din il-Konvenzjoni ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda f’Diċembru 2006 u Malta kienet mill-ewwel grupp ta’ pajjiżi li ffirmat din il-Konvenzjoni meta bdiet tiġi ffirmata mill-iStati Membri fl-aħħar ta’ Marzu, 2007. Malta ffirmat ukoll il-Protokoll Mhux Obbligatorju li hemm ma’ din il-Konvenzjoni u li permezz tiegħu ċittadini Maltin jistgħu jitolbu lill-Kumitat dwar il-Persuni b’Diżabilità li se twaqqaf il-Ġnus Magħquda sabiex jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu jekk il-pajjiż ma jsegwiex il-provvedimenti ta’ din il-Konvenzjoni. 

Il-preżentazzjoni saret fil-preżenza ta’ l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali. Hija rringrazzjat lid-delegazzjoni Maltija li tant ħadmet u tat input siewi fix-xogħol li sar lejn it-tfassil ta’ din il-Konvenzjoni. Il-Ministru għamlet referenza għat-tul ta’ snin li ilu jsir l-iżvilupp fil-kamp tad-diżabilità biex issa wasalna fis-sena 2007 li hija wkoll is-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd. Hija spjegat li f’din is-sena tant speċjali, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jixtieq itella’ l-Parlament il-Guardianship Act, li fil-fatt diġà qiegħed għand l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali, u emendi għall-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità). Il-Ministru Cristina fakkret lil dawk preżenti li aħna għandna dejjem nisimgħu, nitgħallmu u nimplimentaw fejn possibbli s-suġġerimenti tal-persuni b’diżabilità stess. Hija semmiet ukoll avvanzi reċenti li saru fil-kamp tad-diżabilità, bħalma hija l-integrazzjoni taċ-ċentri għal matul il-jum għal persuni b’diżabilità (ATCs) li issa ġew taħt l-Aġenzija Sapport bħala parti mill-viżjoni wiesa tal-Gvern lejn żvilupp aħjar għall-persuni b’diżabilità. Il-Ministru għalqet billi fakkret li issa li Malta kienet minn ta’ l-ewwel li ffirmat din il-Konvenzjoni u l-Protokoll Mhux Obbligatorju jmiss li jsir studju fid-dettal biex naraw x’hemm bżonn li jsir biex dawn l-istrumenti jkunu ratifikati fl-aħjar interess tal-Maltin kollha. 

Il-President Eddie Fenech Adami qal li f’Malta saret bidla ta’ kif inħarsu lejn persuni b’diżabilita’.  Sfortunatament snin ilu, is-soċjeta’ kienet taħbi lil dawn in-nies iżda bil-mod il-mod aħna sirna iktar konxji ta’ kemm huwa d-dmir tagħna nirikonoxxu d-drittijiet u d-dinjinta’ li għandha tgawdi kull persuna b’diżabilità, bħal kull bniedem ieħor fis-soċjetà.  Il-President qal li grazzi għall-entużjażmu u d-dedikazzjoni ta’ bosta nies bħas-Sur Joseph Camilleri u s-Sur Alfred Bezzina wasal biex inħoloq anke f’Malta, qafas legali biex nirrikonoxxu din ir-realtà. Il-President awgura lill-Kummissjoni biex tkompli għaddejja bil-ħidma tant importanti fostna.  

Il-Kummissjoni wriet l-apprezzament kbir tagħha li pajjiżna ffirmat din il-Konvenzjoni u dan il-Protokoll. Dan juri b’mod ċar l-impenn qawwi li pajjiżna għandu biex il-persuni b’diżabilità jkollhom garantiti d-drittijiet fundamentali umani kollha u hekk jiġi assigurat li huma jgawdu mill-ogħla kwalità ta’ ħajja possibbli. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa li tiġi ratifikata l-Konvenzjoni  biex il-provvedimenti kollha meħtieġa jidħlu fis-seħħ.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow