Left arrow Mur Lura

IL-MINISTERU TAL-FINANZI JNIEDI L-ISKEMA TA' REĠISTRAZZJONI TA' FLUS KONTANTI U DEPOŻITI BANKARJI

PR0542
Date Icon 17/04/2007

Bi tħejjija għall-adozzjoni ta’ l-ewro bħala l-munita nazzjonali ta’ Malta, il-Ministeru tal-Finanzi ddeċieda li jniedi l-Iskema ta’ Reġistrazzjoni ta’ Flus Kontanti u Depożiti Bankarji. L-iskop ta’ din l-Iskema hi li tipprovdi lill-individwi residenti f’Malta b’opportunità ta’ darba biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-pussess ta’ assi eliġibbli f’dawk il-każijiet fejn id-dħul tagħhom ma kienx iddikjarat għall-fini ta’ l-Att tat-Taxxa fuq id-Dħul. Din l-Iskema għandha wkoll l-għan li tħeġġeġ ritorn gradwali u organizzat ta’ flus kontanti moħbija u mhux iddikjarati u biex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija formali permezz tas-sistema finanzjarja. 

Din l-iskema ta’ Reġistrazzjoni se tidħol fis-seħħ fit-23 ta’ April 2007 u se tintemm fil-31 ta’ Lulju 2007. L-assi eliġibbli li jistgħu jkunu reġistrati taħt din l-Iskema huma karti tal-flus denominati fil-Lira Maltija u fl-ewro, u depożiti fil-Lira Maltija u fl-ewro miżmuma f’banek lokali fejn dawn l-assi jirrappreżentaw dħul li ma kienx iddikjarat għall-fini ta’ l-Att tat-Taxxa fuq id-Dħul. 

Biex wieħed jibbenefika minn din l-Iskema, dawn l-assi eliġibbli għandhom jiġu reġistrati bl-użu ta’ formola speċifika ma’ aġenti ta’ reġistrazzjoni appuntati mill-Bank Ċentrali ta’ Malta (li għandhom ikunu banek kummerċjali, stockbrokers u intermedjarji finanzjarji awtorizzati oħra). Ir-reġistrazzjoni hija protetta b’kunfidenzjalita’ u l-Aġenti Maħtura ta’ Reġistrazzjoni kollha u l-Bank Ċentrali huma marbuta bis-segretezza professionali. 

Għar-reġistrazzoni ta’ depożiti bankarji fil-Lira Maltija u/jew fl-ewro li jirrappreżentaw dħul mhux iddikjarat, l-applikant għandu jissottometti evidenza permezz tad-dokumenti oriġinali li jikkonfermaw li huwa l-proprjetarju benefiċjarju ta’ tali assi reġistrati fis-16 ta’ April 2007. Għar-reġistrazzjoni ta’ karti tal-flus tal-Lira Maltija u l-ewro miksuba minn dħul mhux iddikjarat, tali karti tal-flus iridu jiġu depożitati fil-banek lokali f’kont ta’ depożitu speċjali għal terminu fiss għal perjodu ta’ sena mingħajr imgħax. 

Ir-reġistrazzjoni ta’ karti tal-flus tal-Lira Maltija u l-ewro hi suġġetta għall-ħlas ta’ darba ta’ 4% ta’ l-ammont reġistrat filwaqt li r-reġistrazzjoni ta’ depożiti fil-lira Maltija u/jew l-ewro mal-banek lokali hi suġġetta għal ħlas ta’ 6%. 

Permezz tar-reġistrazzjoni f’din l-Iskema, il-proprjetarju benefiċjarju ta’ l-assi reġistrati se jkun eżentat minn azzjoni retrospettiva mill-Gvern fil-konfront ta’ dħul mhux iddikjarat rappreżentat minn tali assi f’termini ta’ l-Att dwar it-Taxxa tad-Dħul. L-applikanti għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni li l-assi reġistrati ma jirrappreżentawx dħul minn attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus jew minn xi attività kriminali oħra ħlief ksur ta’ l-Att dwar it-Taxxa tad-Dħul. Is-sottomissjoni ta’ informazzjoni falza se tirrendi r-reġistrazzjoni bħala nulla u jkunu jistgħu jittieħdu passi legali kontra l-applikant. L-Iskema ma teżenta lill-ebda persuna milli tikkonforma mal-ħtiġijiet ta’ l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil ta’ Flus u regoli marbuta magħha. 

Aktar informazzjoni dwar l-Iskema tista’ tinkiseb mill-banek, minn stockbrokers u minn intermedjarji finanzjarji awtorizzati oħra kif ukoll mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow