Left arrow Mur Lura

Żjara mill-Ministru Ġermaniż għall-Ambjent, Konservazzjoni tan-Natura u Sigurta’ Nukleari

PR0531A
Date Icon 14/04/2007

Bħala parti miż-żjara tiegħu ta’ jumejn f’Malta, il-Ministru Ġermaniż għall-Ambjent, Konservazzjoni tan-Natura u Sigurta’ Nuklejari, Sigmar Gabriel, żar wieħed mis-siti ekologiċi l-aktar importanti ta’ dawn il-gżejjer fil-bajja tad-Dwejra.  Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, flimkien mas-sindku ta’ San Lawrenz is-Sur Noel Formosa, u l-President tan-Nature Trust (Malta) is-Sur Vince Attard laqgħu lil Ministru Gabriel li kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent l-Onor. George Pullicino flimkien mad-delegazzjonijiet tagħhom. 

Id-delegazzjoni Ġermaniża ingħatat informazzjoni fuq id-Dwejra Life Project, li kien uffiċċjalment varat f’konferenza stampa mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u n-Nature Trust (Malta) f’April tal-2004.  

Dan il-proġett ambizzjuz, li kien ġie deskritt bħala wieħed li ser ikun strumentali biex idawwar l-proċess degradatorju, jikkonserva s-sit għal benefiċċju tal-ambjent, jipprovdi prodott turistiku ta’ kwalita’ aħjar u jsaħħaħ l-ekonomija tal-komunita’ lokali, ġie jiswa iktar minn €300,000. Il-proposta għal dan il-proġett kienet imnedija minn Nature Trust (Malta) ħalli tiġi kkunsidrata biex tibbenefika mill-fondi tal-LIFE Third Countries, f’Ottubru tal-2002. Din l-applikazzjoni kienet aċċettata mill-LIFE evaluation team f’Ottubru tal-2003. l-imsieħba prinċipali ta’ dan il-proġett huma Nature Trust (Malta) bħala benefiċċjarji flimkien ma’ MEPA u l-WWF. L-istakeholders prinċipali huma il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz li ilhom għaddejjin b’konsultazzjoni u parteċipazzjoni ma’ stakeholders oħrajn  mill-bidu ta’ dan il-proġett. 

Id-delegazzjoni barranija ittieħdet iżżur iż-Żona Marittima għall-Konservazzjoni li ġiet stabbilita biex tipproteġi u tikkonserva r-rikkezza tal-ħajja marittima ta’ dawn l-inħawi ekologiċi. Ingħataw ukoll tifsira tat-tabelli ta’ informazzjoni li twaħħlu dan l-aħħar flimkien ma’ spjegazzjoni ġenerali tal-proġett tal-parkeġġ. Id-delegazzjoni Maltija akkumpanjat lil grupp ta’ viżitaturi f’mixja qasira li wasslithom sat-torri li jinsab quddiem il-Ġebla tal-Ġeneral, li bħalissa qed iservi bħala ċentru temporanju għal viżitaturi. Hawnhekk intwerew preżentazzjoni awdioviżiva u spjegazzjoni tal-proġett. Il-fażi attwali tal-proġett jinkludu twaħħil ta’ sinjali ta’ direzzjoni, l-installazzjoni ta’ tabelli ta’ informazzjoni, l-organizzazzjoni tat-traffiku pubbliku, stampar ta’ materjal edukattiv u informattiv, video u esebizzjoni għaċ-Ċentru.  

Filwaqt li tat merħba lill-Ministru Gabriel flimkien mad-delegazzjoni tiegħu, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, semmiet il-kollaborazzjoni tal-Ministeru tagħha flimkien mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, mal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u n-Nature Trust (Malta) li kienu lkoll f’konsultazzjoni mal-istakeholders konċernati. Ir-riżultati li nkisbu sal-lum bis-saħħa ta’ dan id-djalogu u kollaborazzjoni, jawguraw tajjeb li l-miri ta’ dan il-proġett ambizzjuz jintlaħqu u jiġu effetwati. 

Il-Ministru Debono, flimkien mal-Ministru Pullicino, il-Ministru Gabriel, is-Sur Attard u s-Sur Formosa, ilkoll ħawlu siġra bħala kommemorazzjoni ta’ din l-okkazjoni. 

Wara, d-delegazzjoni barranija ttieħdet iċ-Ċittadella, sit ieħor ta’ wirt storiku prestiġġjuz fil-gżira Għawdxija. Dawk preżenti setgħu jgawdu u japprezzaw l-inħawi storiċi li jdawwru l-Katidral ta’ Għawdex u l-veduti li jestendu sat-truf tal-gżejjer ta’ Għawdex, Kemmuna u Malta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow