Żjara mill-Ministru Ġermaniż għall-Ambjent, Konservazzjoni tan-Natura u Sigurta’ Nukleari
Bħala parti miż-żjara tiegħu ta’ jumejn f’Malta, il-Ministru Ġermaniż għall-Ambjent, Konservazzjoni tan-Natura u Sigurta’ Nuklejari, Sigmar Gabriel, żar wieħed mis-siti ekologiċi l-aktar importanti ta’ dawn il-gżejjer fil-bajja tad-Dwejra. Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, flimkien mas-sindku ta’ San Lawrenz is-Sur Noel Formosa, u l-President tan-Nature Trust (Malta) is-Sur Vince Attard laqgħu lil Ministru Gabriel li kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent l-Onor. George Pullicino flimkien mad-delegazzjonijiet tagħhom.
Id-delegazzjoni Ġermaniża ingħatat informazzjoni fuq id-Dwejra Life Project, li kien uffiċċjalment varat f’konferenza stampa mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u n-Nature Trust (Malta) f’April tal-2004.
Dan il-proġett ambizzjuz, li kien ġie deskritt bħala wieħed li ser ikun strumentali biex idawwar l-proċess degradatorju, jikkonserva s-sit għal benefiċċju tal-ambjent, jipprovdi prodott turistiku ta’ kwalita’ aħjar u jsaħħaħ l-ekonomija tal-komunita’ lokali, ġie jiswa iktar minn €300,000. Il-proposta għal dan il-proġett kienet imnedija minn Nature Trust (Malta) ħalli tiġi kkunsidrata biex tibbenefika mill-fondi tal-LIFE Third Countries, f’Ottubru tal-2002. Din l-applikazzjoni kienet aċċettata mill-LIFE evaluation team f’Ottubru tal-2003. l-imsieħba prinċipali ta’ dan il-proġett huma Nature Trust (Malta) bħala benefiċċjarji flimkien ma’ MEPA u l-WWF. L-istakeholders prinċipali huma il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz li ilhom għaddejjin b’konsultazzjoni u parteċipazzjoni ma’ stakeholders oħrajn mill-bidu ta’ dan il-proġett.
Id-delegazzjoni barranija ittieħdet iżżur iż-Żona Marittima għall-Konservazzjoni li ġiet stabbilita biex tipproteġi u tikkonserva r-rikkezza tal-ħajja marittima ta’ dawn l-inħawi ekologiċi. Ingħataw ukoll tifsira tat-tabelli ta’ informazzjoni li twaħħlu dan l-aħħar flimkien ma’ spjegazzjoni ġenerali tal-proġett tal-parkeġġ. Id-delegazzjoni Maltija akkumpanjat lil grupp ta’ viżitaturi f’mixja qasira li wasslithom sat-torri li jinsab quddiem il-Ġebla tal-Ġeneral, li bħalissa qed iservi bħala ċentru temporanju għal viżitaturi. Hawnhekk intwerew preżentazzjoni awdioviżiva u spjegazzjoni tal-proġett. Il-fażi attwali tal-proġett jinkludu twaħħil ta’ sinjali ta’ direzzjoni, l-installazzjoni ta’ tabelli ta’ informazzjoni, l-organizzazzjoni tat-traffiku pubbliku, stampar ta’ materjal edukattiv u informattiv, video u esebizzjoni għaċ-Ċentru.
Filwaqt li tat merħba lill-Ministru Gabriel flimkien mad-delegazzjoni tiegħu, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, semmiet il-kollaborazzjoni tal-Ministeru tagħha flimkien mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, mal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u n-Nature Trust (Malta) li kienu lkoll f’konsultazzjoni mal-istakeholders konċernati. Ir-riżultati li nkisbu sal-lum bis-saħħa ta’ dan id-djalogu u kollaborazzjoni, jawguraw tajjeb li l-miri ta’ dan il-proġett ambizzjuz jintlaħqu u jiġu effetwati.
Il-Ministru Debono, flimkien mal-Ministru Pullicino, il-Ministru Gabriel, is-Sur Attard u s-Sur Formosa, ilkoll ħawlu siġra bħala kommemorazzjoni ta’ din l-okkazjoni.
Wara, d-delegazzjoni barranija ttieħdet iċ-Ċittadella, sit ieħor ta’ wirt storiku prestiġġjuz fil-gżira Għawdxija. Dawk preżenti setgħu jgawdu u japprezzaw l-inħawi storiċi li jdawwru l-Katidral ta’ Għawdex u l-veduti li jestendu sat-truf tal-gżejjer ta’ Għawdex, Kemmuna u Malta.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959