AKTAR MINN 90% TAL-BINI Fl-ISPTAR MATER DEI GĦADDA F’IDEJN IL-GVERN
F’diskors li għamel dalgħodu waqt ċerimonja ta’ għoti ta’ premjijiet għall-kompetizzjoni ta’ l-arti tat-tfal organizzata minn Sptar Mater Dei, is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech ħabbar li hekk kif fadal madwar xahrejn u nofs għat-tlestija tal-proġett, aktar minn 90% tal-bini f’Mater Dei għadda minn idejn il-kuntrattur ewlieni, Skanska Malta JV, għal għand il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Dan ifisser li dawn iż-żoni huma lesti mix-xogħol ta’ kostruzzjoni u finishes, servizzi u sistemi ta’ inġinerija. B’hekk, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ħadet ir-responsabbilta’ ta’ dawn iż-żoni biex kuntratturi oħrajn ewlenin, INSO għall-apparat mediku u Frezza għall-għamara, ikunu jistgħu jkomplu bl-aħħar fażi tax-xogħol tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-ġimgħa li għaddiet, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ħadet ir-responsabbilta’ tal-kappella ewlenija fl-Isptar, il-blokk tan-nofs li fih hemm auditorium ta’ 300 persuna, 6 seminar rooms u chaplain’s quarters. Ġew trasferiti wkoll l-istaff restaurant, l-istaff quarters, il-bank tad-demm u diversi żoni oħra.
L-Onorevoli Fenech, li jmexxi il-Mater Dei Steering Committee, ħabbar ukoll li d-Dipartiment tar-Radjoloġija se jkun lest minn kollox sa’ l-aħħar tax-xahar. Bħalissa għaddejja l-installazzjoni ta’ l-aħħar biċċa apparat (mammography) li jonqos qabel il-proċess ta’ migrazzjoni. Ġie deċiż li l-makna ta’ l-MRI ta’ Sptar San Luqa tiċċaqlaq għal Mater Dei wara li jintemm il-proċess ta’ migrazzjoni. Din il-makna kienet inxtrat apposta bil-ħsieb li tiċċaqlaq għal Sptar Mater Dei. Għaddej ukoll il-proċess ta’ taħriġ ta’ l-istaff ta’ dan id-dipartiment peress li d-dipartiment se jopera b’mod kompletament ġdid għal kif jopera llum f’San Luqa. F’Mater Dei, id-dipartiment tar-radjoloġija jaħdem kompletament fuq sistemi diġitali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-installazzjoni ta’ l-apparat mediku daħlet fl-aħħar fażi fejn l-istaff diġa’ beda jingħata taħriġ fuq l-apparat mediku waqt li għaddej ukoll il-proċess ta’ testijiet li jwasslu biex il-klijent jiċċertifika li l-apparat qed jaħdem kif suppost u kif intalab fid-dokumenti tat-tender.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ installazjoni ta’ għamara, 3 mill-erbgħa blokok fejn hemm swali tal-pazjenti, tlestew mill-proċess kollu ta’ installazzjoni, testing u commissioning.
L-Onorevoli Fenech qal li Sptar Mater Dei huwa villaġġ mediku ta’ eċċellenza mgħammar b’teknologija state of the art, li jopera b’metodi ta’ management modern u livelli għolja ta’ effiċjenza. B’hekk jitnaqqas il-piż ta’ xogħol amministrattiv u anċillari minn fuq l-istaff u tingħata iktar attenzjoni lill-pazjent waqt il-proċess ta’ fejqan.
Is-Segretarju Parlamentari qal li d-data ta’ l-1 ta’ Lulju 2007 se timmarka bidu ta’ era ġdida fl-għoti tas-servizzi tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna. “Mater Dei se jfisser qabża fil-kwalita’ u titjib li se jgawdi minnhom kulħadd: ambjent tax-xogħol komdu u modern għall-istaff, aktar privatezza u attenzjoni għall-pazjenti u servizzi pubbliċi estensivi għall-viżitaturi” qal l-Onorevoli Fenech.
Is-Segretarju Parlamentari Fenech kompla li dak li sa’ ftit ilu kien ġebel u konkos mikxuf, illum huwa bini mill-isbaħ li se jilqa’ fih sptar state of the art li se jaqdi l-bżonnijiet tal-kura tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi fis-seklu 21.
Fiċ-ċerimonja tkellem ukoll il-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici bħala c-Chairman tal-Mater Dei Hospital Healing Arts Committee u l-Kap Eżekuttiv ta’ Sptar Mater Dei Ms. Marion Rizzo.
Għall-kompetizzjoni daħlu ‘il fuq minn 1,200 biċċa arti minn mijiet ta’ tfal ta’ l-iskola bejn l-etajiet ta’ 5 u 13-il sena. Kien hemm żewġ kategoriji maqsuma bejn il-5 u 8 snin u 9 u 13-il sena. It-temi magħżula kienu l-kampanja, l-baħar, il-fjuri u l-belt jew raħal fejn joqogħdu l-parteċipanti.
L-Onorevoli Fenech irringrazzja lill-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici bħala Chairman tal-Kumitat li jikkordina l-arti f’Mater Dei kif ukoll lill-membri kollha tal-Kumitat, kapijiet ta’ l-iskejjel li pparteċipew u lit-tfal kollha li ħadu sehem fil-kompetizzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959