Left arrow Mur Lura

Belt Valletta Aċċessibbli

PR0523
Date Icon 13/04/2007

Wara xhur ta’ diskussjonijiet, bl-iskop li jinħoloq bilanċ ġust, il-Gvern ħabbar il-mod li bih il-Belt Valletta se ssir aktar aċċessibbli. Dettalji dwar dan ingħataw mill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija tal-Informazzjoni,  Austin Gatt u l-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet. 

L-istrateġija biex il-Belt tkun aktar aċċessibbli hija msejsa fuq l-introduzzjoni ta’ żona pedonali fil-Belt Valletta kif ukoll Aċċess Kontrollat għall-vetturi.  

Il-Ministru Austin Gatt, fid-diskors tiegħu spjega li huwa l-għan tal-Gvern li l-qalba tal-Belt Valletta tingħata ħajja ġdida li minnha għandha tibbenefika l-komunità kummerċjali u r-residenti Beltin. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li l-qalba tal-Belt Valletta issir u tkun aċċessibli bl-istess mod li huma msebbħa u aċċessibbli ċ-ċentri ta’ bliet oħra fl-Ewropa.  

Il-Ministru Gatt spjega li kienet biċċa xogħol diffiċli biex jinħoloq il-bilanċ bejn l-interessi konfliġġenti tar-residenti, tal-ħaddiema u l-komunità kummerċjali. Huwa spjega li r-residenti għandhom għax ikunu sodisfatti għax bejn is-7.00 a.m. u s-6.00 p.m. ser jiddaħħlu miżuri li jżidu l-limitazzjoni fuq id-dewmien ta’ karozzi li ġejjin minn barra l-Belt; ir-ring road tal-Belt ser ikollha areas riżervati għalihom filwaqt li fuq kollox, għandhom għax ikunu sodisfatti li ser ikun hemm eżenzjoni għat-tfal tal-anzjani residenti fil-Belt Valletta.  

Il-Komunità kummercjali għandha għax tkun sodisfatta għax kif dejjem xtaqet, se tiġi abolita l-V Licence, u b’hekk issa kull karrozza ser tkun tista’ tibda tidħol fil-Belt Valletta. Din għandha twassal biex jiżdied il-kummerċ. Dan minbarra t-titjib fl-urbanistika taċ-ċentru tal-Belt bl-introduzzjoni taż-żona pedonali u skema ta’ parkeġġ li tinkoraġġixxi turnover ta’ xerrejja fit-toroq kummerċjali. 

Għal min jaħdem il-Belt Valletta, għandu għax ikun hemm sodisfazzjon għall-fatt li ‘Park and Ride’  kienet idea ta’ suċċess li qed tintuża minn ħafna minn dawn il-ħaddiema, filwaqt li r-restrizzjonijiet ta’ aċċess huma limitati għaż-żona ċentrali tal-Belt, bir-ringroad ta’ madwar il-Belt tkun barra mis-sistema.  

Iż-żona pedonali ser tinkludi partijiet minn Triq l-Ordinanza, Triq Nofs in-Nhar, Triq Melita, Triq San Ġwann, Triq Santa Lucija, Triq il-Merkanti, Triq Zakkarija, Triq ir-Repubblika u Triq id-Dejqa (ara Mappa Annessa).  

Fil-waqt li ż-żona pedonali ser tiġi implimentata fil-25 ta’ April is-sistema ta’ l- Aċċess Kontrollat ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju li ġej. Fl-istess jum li ser tibda titħaddem is-sistema, ser tiġi abolita l-V License.

Il-Ministru Mugliett fisser li s-sistema ta’ l-Aċċess Kontrollat ser titħaddem mill-kumpanija CVA Technology Limited li kienet rebħet sejħa għall-offerti li ħarġet is-sena l-oħra. Din is-sistema ser tkun ibbażata fuq regolamenti li ser jiġu pubblikati f’Avviż Legali fil-Gazzetta tal-Gvern fil-jiem li ġejjin.  

Minbarra li se jservi ta’ qafas għat-tħaddim tas-CVA, l-Avviż Legali jsemmi wkoll dawk l-eżenzjonijiet li ser japplikaw minn meta tibda titħaddem is-sistema. Il-Ministru Mugliett spjega li s-sistema ta’ l-Aċċess Kontrollat hija waħda minn bosta komponenti oħra li kollha huma maħsuba biex itejbu l-aċċess lejn il-Belt. Dawn jinkludu l-Park and Ride, is-servizz ċirkolari tat-trasport pubbliku (li diġa huma fis-seħħ) kif ukoll l-Electric Cabs, il-Valletta Vertical Connection u s-Sea Ferries li mistennija jiġu mplimentati fix-xhur li ġejjin.

Eżenzjonijiet

Il-vetturi li ser jiġu ezentati huma dawk tal-qraba ta’ residenti tal-Belt illi għandhom aktar minn 61 sena; ser ikunu jistgħu jirreġistraw il-vetturi għal kull dixxendent ta’ l-ewwel ġenerazzjoni. Fejn ma jkun hemm ebda vetturi reġistrati fuq id-dxxendenti ta’ l-ewwel ġenerazzjoni, jkunu jistgħu jiġu reġistrati sa’ żewġ vetturi fuq qraba immedjati oħra. Din ir-reġistrazzjoni ser tinkludi ħlas ta’ Lm20 kull sena wara li ssir applikazzjoni għand il-Kunsill Lokali. 

Eżenzjoni oħra ser tkun għal min għandu garaxx fil-Belt. Sid il-garaxx (anke jekk m’hux resident) ikun jista’ japplika għal eżenzjoni għal numru ta’ vetturi li jkun jiflaħ il-garaxx tiegħu. Dawn dejjem ikunu jridu jipparkjaw fl-istess garaxx meta jidħlu l-Belt. Fil-fatt jekk il-karozza tinstab ipparkjata fil-Belt Valletta iżda barra l-garaxx, l-eżenzjoni tiġi sospiża għal sena u tingħata multa. Din l-eżenzjoni wkoll tinvolvi ħlas ta’ Lm20 kull sena għal kull vettura bl-applikazzjoni għand il-Kunsill Lokali. 

Fil-waqt li persuni b’diżabiltà li jaħdmu l-Belt ser ikunu eżenti mill-iskema, persuni li għandhom Blue Sticker li ma jaħdmux fil-belt Valletta jingħataw Lm20 kreditu fis-sena fuq l-użu tas-sistema. Il-bejjiegħa tal-Monti ser ikollhom eżenzjoni mis-sistema 90 minuta qabel u wara l-ħinijiet tal-monti; bl-applikazzjoni għand il-Kunsill Lokali. 

Vetturi li jintużaw biex jsiru deliveries regolari lill-ħwienet fiż-żona kontrollata ser jingħataw aċċess liberu bejn is-1.30 p.m. u l-4.00 p.m.. Se jkunu eżenti wkoll vetturi uffiċjali u karozza kull wieħed tal-Membri tal-Parlament. Se jiġu aboliti l-parkeġġi riservati tal-lum inkluż ta’ diretturi fis-servizz pubbliku li wkoll m’hux se jkunu eżentati mill-ħlasijiet dovuti fiż-żona. 

Mingħajr dubju l-ikbar benefiċjarji ta’ din is-sistema ser ikunu ir-residenti tal-Belt Valletta li wkoll huma eżentati. Il-kriterji biex vettura tingħata status bħala waħda ta’ resident tal-Belt Valletta trid tkun fiż-żona ta’ restrizzjoni għal mill-inqas sagħtejn konsekuttivi bejn is-1.00 a.m. u l-5.00 a.m. għal mill-inqas 15-il lejl kull xahar. Dan il-kriterju ser jiġi kkalkulat mis-sistema awtomatikament – bl-ebda bżonn ta’ reġistrazzjoni. Dawk li jaħdmu barra l-Belt bil-vetturi tagħhom f’dan il-ħin jistgħu jitolbu għal eżenzjoni bil-miktub lill-Kunsill Lokali. 

Vetturi oħra li huma eżentati jinkludu vetturi ta’ emerġenza, vetturi li jaħdmu bl-elettriku, vetturi ta’ trasport pubbliku minbarra vetturi self-drive,  muturi  u vetturi li jġorru 10 persuni jew aktar. Il-kriterji għall-eżenzjonijiet ser jiġu reklamati b’mod estensiv fuq il-mezzi tax-xandir. Ir-reġistrazzjonijiet jiftħu l-ġimgħa d-dieħla. 

Waqt il-Konferenza ta’ l-aħbarijiet saret preżentazzjoni minn David Schranz f’isem il-kumpanija CVA li fiha ingħataw dettalji dwar kif ser tibda topera din is-sistema.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow