Left arrow Go Back

Iffirmat il-Kuntratt għal bini tad-Dar Residenzjali għall-Anzjani fil-Mellieħa

PR0520
Date Icon 12/04/2007

Fil-Ministeru tas-Saħħa ġie iffirmat il-kuntratt bejn il-gvern u l-Care Malta Mellieħa Ltd., għal bini u t-tmexxija tad-Dar Residenzjali għall-Anzjani fil-Mellieħa.  Dan huwa l-ewwel kuntratt taħt public-private partnership scheme li qiegħed jiġi ffirmat bejn il-gvern u s-settur privat.  Is-Sur Frank Mifsud, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità u s-Sur Francis Attard, Direttur tal-Kuntratti ffirmaw għan-naħa tal-Gvern, filwaqt li s-Sur Nazzareno Vassallo iffirma għal Care Malta Mellieħa Ltd.  Il-Ministru Deguara u Segretarji Parlamentari Tonio Fenech u Helen D’Amato assistew għall-iffirmar. 

L-Onor. Helen D’Amato minn naħa tagħha tkellmet dwar id-Dar tal-Mellieħa.  Hija qalet li din id-dar li ser ikollha 106 kamra u ser takkomoda 130 anzjan, ser tinbena fuq il-kunċett gdid tal-Public Private Partnership.  Dan it tip ta’ PPP huwa differenti minn dak li diġà għandna fid-djar ta’ Bormla u ż-Żejtun u anke x-xiri tas-sodod fid-djar privati.  Hija qalet li bħalissa għandna 124 klijenti fi tlett idjar, u għadna kif ikkonkludejna ftehim ma’ dar oħra.  Bħalissa għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-knisja.

Is-Segretarju Parlamentari D’Amato tkellmet dwar is-servizzi li ser jiġu pprovduti f’din id-dar.  Hija qalet li din id-Dar ser tilqa’ fiha kemm anzjani indipendenti, semi-dipendenti kif ukoll anzjani dipendenti.  Hija kompliet tgħid li l-Gvern ħaseb sabiex parti mid-dar tkun mgħammra bl-apparat neċessarju bħal piped gases, suction pumps u sodod apposta sabiex kwalunkwe anzjan li jinbidillu l-istat ta’ dipendenza jibqa’ jiġi kkurat fid-dar ta’ l-anzjani sakemm dan ikun possibbli.  Tajjeb li niftakru illi d-dar hija totalment u kompletament aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali.  Id-dar tal-Mellieħa hija maħsuba sabiex tiprovdi wkoll high dependency area, sala ta’ fiżjoterapija għall-anzjani tad-dar, kappella, Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità kif ukoll għal dawk l-anzjani residenti fid-dar, u berġa għall-użu tal-persuni tal-lokalità. 

Dwar it-time frames marbuta mad-Dar tal-Mellieħa l-Onor. D’Amato qalet “il-kuntrattur għandu sena mil-lum sabiex jibni u jibda jopera din id-dar.” 

Helen D’Amato qalet li d-Dar tal-Mellieħa hija l-ewwel dar tal-Gvern li kienet ippjanata kif ukoll sejra tinbena fuq l-iskema ta’ Public Private Partnership.  F’din it-tip ta’ skema, il-kuntrattur li sejjer jibni u jopera din id-dar, huwa obligat li joħroġ is-somma kapitali tal-bini u l-manutenzjoni tad-dar filwaqt li l-Gvern huwa obbligat li jibda jħallas għas-servizz mgħoti mill-kuntrattur privat meta d-dar tibda topera.  Għalhekk, il-Gvern ser jevita l-ħruġ ta’ somma kapitali u r-riskju marbut mal-bini tad-dar u r-riskji kemm finanzjarji kif ukoll ta’ bini sejjer jerfagħhom il-privat. 

L-Onor. D’Amato kompliet tgħid li l-Gvern huwa marbut li jipprovdi l-kura medika, jiġifieri, nursing care għar-residenti u ser ikun qiegħed iħallas sabiex jingħata servizz ta’ standard għoli fejn jidħlu il-hotel services.  Il-kuntrattur privat, barra li jkun ipprovda l-kapital għall-bini tad-dar sejjer jipprovdi l-Hotel Services. 

Għall-ewwel darba, il-kuntrattur huwa marbut b’manwal ta’ operat ibbażat fuq output specifications li jispeċifika l-istandard u l-kwalità tas-servizz li għandu jingħata. 

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech qal li l-kunċett tal-Public Private Partnership huwa mezz innovattiv li bih il-Gvern bi sħab mas-settur privat, iwettaq numru ta’ proġetti fl-interess tal-komunità.  Dan il-kunċett jaħdem fuq ftehim li jsir bejn l-istess Gvern u l-kuntrattur magħżul għall-proġett partikolari, fejn jiġi garantit mhux biss il-kwalità tal-bini u l-istruttura, imma anke wkoll il-kwalità tas-servizz provdut.  

Il-Public Private Partnership li qed jiġi ffirmat illum fir-rigward tad-dar tal-anzjani fil-Mellieħa huwa l-ewwel xorta tiegħu f’Malta.  

Għalkemm kellna numru ta’ progetti li saru fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ PPPs, fost l-oħrajn dak tal-landscaping, l-estensjoni tad-dar ta’ l-anzjani taż-Żejtun, u l-provvista tad-dawl tat-toroq mill-Kunsilli Lokali, dan hu l-ewwel kuntratt li jħaddan b’mod sħiħ il-mudell li l-ħlas hu kompletament dipendenti mill-kwalità tas-servizz li jkun qed jiġi provdut. 

Il-vantaġġi ta’ dan it-tip ta’ kuntratt huma diversi:

·        Il-Gvern mhux qed jixtri jew jibni l-binja hu imma qed jixtri servizz fuq numru ta’ snin, f’dan il-każ 25 sena.

·        Il-Gvern jibda jħallas meta l-proġett jitlesta u s-servizz jibda jingħata, li jfisser li għalkemm il-proġett hu stipulat li jrid jitlesta fi żmien sena, jekk dan idum il-Gvern ma jibdiex iħallas qabel ma jitlesta u s-servizz jibda jingħata.  B’hekk il-piż finanzjarju tad-dewmien ikollu jerfgħu l-kuntrattur.

·        Il-kuntratt jassigura kwalità f’dak li hu l-infrastruttura u s-servizz mogħti billi l-ispiża tal-manteniment u l-upkeep ser ikun responsabiltà tal-kuntrattur.  B’hekk, jekk ix-xogħol ma jkunx tal-kwalità stipulat, ser ikollu jħallas għaliha l-kuntrattur, għax jekk ikollu spejjeż ta’ manutenzjoni għolja dan mhux ser ikun jista’ jitlob ħlas addizzjonali għalihom.

·        Meta s-servizz jibda jingħata, il-Gvern ikun obligat li jħallas uniterycharge ta’ Lm96,760 fix-xahar, VAT inkluż, għal 130 resident, b’indexation mal-RPI.  

Dan il-proġett għandu jiżgura l-aħjar investiment għall-anzjani tagħna kemm min-naħa tal-Gvern, kif ukoll min-naħa tal-kuntrattur magħżul għal dan il-proġett għax jekk is-servizz ma jilħaqx il-livelli stabiliti fil-kuntratt, jiġu applikati penali għal kull nuqqas u dawn jitnaqqsu mill-ħlas li jkun irid isir għal dak ix-xahar.  Għal dan il-għan, il-Gvern ser ikollu unit indipendenti biex jassigura dan. 

Il-Gvern mhux ser ikun responsabbli ta’ xejn fil-proġett għajr għal-livell tal-kura tas-saħħa. Dan ifisser li r-riskji ta’ cost overruns u time overruns ser iġorrhom il-kuntrattur, kemm fil-fażi ta’ bini u anke fil-fażi ta’ 25 sena servizz li jrid jagħti.  Is-servizzi jinkludu servizzi ta’ hospitality, management tal-faċilitajiet, maintenance, sigurtà u oħrajn.  Tajjeb wieħed jiċċara li wara 25 sena, il-bini jgħaddi f’idejn il-Gvern. 

Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-Public Private Partnerships fl-aħjar interess tal-komunità. 

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Louis Deguara fakkar li bħalissa għaddejja attività kbira fil-Ministeru tas-Saħħa fuq erba’ proġetti kbar:

·        il-ftuħ ta’ l-Isptar Mater Dei,

·        il-preparamenti għat-trasformazzjoni ta’ l-Isptar Zammit Clapp għal sptar ta’ l-Onkoloġija,

·        il-bini ta’ faċilità għar-Riabilitazzjoni biswit ir-Residenza San Vinċenz u

·        fil-jiem li ġejjin se jibda x-xogħol fuq ir-Residenza għall-Anzjani fil-Mellieħa.  

Dawn l-inizjattivi huma r-riżultat tal-viżjoni li l-gvern minn dejjem kellu fil-qasam tas-Saħħa u f’dak ta’ l-anzjani.  L-istatistika turi li n-numru ta’ anzjani qed kull ma jmur jikber għaliex il-kwalità tal-ħajja tjiebet kif ukoll minħabba l-kwalità għolja tas-servizzi tas-saħħa li noffru.  Il-gvern ilu issa għal bosta snin jimmodernizza San Vinċenz u fetaħ numru ta’ residenzi oħra biex jilqa’ għad-domanda.  Wieħed irid jiftakar li fl-1987 bdejna mix-xejn u llum niftaħru li għandna servizzi għall-anzjani li pajjiżi oħra qegħdin isaqsu dwarhom u jimxu fuq l-istess passi tagħna. 

Għalhekk il-gvern għaddej bi programm ta’ modernizzar u żieda ta’ postijiet f’San Vinċenz u Saint Jean Antide f’Monte Carmeli kif ukoll issa bid-Dar tal-Mellieħa.  Il-gvern qiegħed ukoll jippjana l-bini ta’ Faċilità ta’ Riabilitazzjoni b’280 sodda li għandha tgħin biex ittaffi d-domanda għal rikoveru permanenti fid-djar residenzjali għall-anzjani.   

Fil-proġett tal-Mellieħa l-gvern introduċa l-kunċett tal-public-private partnership fejn diġà għandna djar għall-anzjani li jitmexxew mill-privat.  Hawnhekk se jittella l-livell ta’ parteċipazzjoni mill-privat fuq skala oħra fejn il-privat se jieħu ħsieb jibni l-faċilità u jamministra dawk is-servizzi kollha li m’humiex kliniċi filwaqt li dawk mediċi jitmexxew mill-gvern.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow