INIZJATTIVA POŻITTIVA BIEX TIĠI APPREZZATA L-ĦIDMA AGRIKOLA
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, dalgħodu ltaqa' mat-tfal tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li żaru l-farm ta’ l-Għammieri. Din il-ħarġa edukattiva kienet organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija flimkien mal-Korp tal-Pulizija.
Waqt din iż-żjara, it-tfal kienu mdawwrin mal-farm ta’ l-Għammieri fejn setgħu jaraw mill-viċin l-annimali li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum ftit li xejn wieħed għadu jista’ jara u jammira. Dr Agius faħħar din l-inizjattiva min-naħa tal-Korp tal-Pulizija u qal li hi ħaġa mill-isbah li tfal jiġu mgħallma japprezzaw il-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala, li permezz tal-ħidma tagħhom il-konsumatur ikun jista’ jixtri prodotti friski u li huma ferm importanti għall-għixien tagħna ta’ kuljum. Huwa kompla jispjega kemm hu importanti li titnissel fit-tfal Maltin u Għawdxin edukazzjoni fejn wieħed jitgħallem iħobb l-ambjent u lil dawk il-persuni kollha li jaħdmu f’dan is-settur.
F’kelmtejn indirizzati lit-tfal, Dr Agius ħeġġiġhom japprezzaw u jħobbu 'l-annimali u li dawn qatt m’għandhom jiġu maħqura. Kompla jispjegalhom li issa, li raw minn fejn u kif jiġu ċerti prodotti u affarijiet ta’ l-ikel, issa iktar minn qatt qabel għandhom jaraw li ma jaħlux dak li jkun ippreparat għalihom u japprezzaw it-tbatija tal-bdiewa li jipprovdu l-ħxejjex u l-frott u tar-raħħala li jipproduċu l-ħalib li tant hu popolari mat-tfal.
Dr Agius temm l-indirizz tiegħu billi ħeġġeġ aktar għaqdiet biex jikkupjaw l-inizjattiva tal-Korp tal-Pulizija u jorganizzaw ħarġiet edukattivi kemm fl-Għammieri kif ukoll fiċ-Ċentru għall-Konservazzjoni tas-Sajd fit-Torri San Luċjan f’Marsaxlokk.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959