Lm65,000 (€151,409) investiment fil-bini ta’ sitt toroq f’Santa Venera
Il-Gvern u l-Awtorità Dwar it-Trasport ta’ Malta qed ikomplu l-ħidma tagħhom biex jitwettaq il-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008 bil-bini ta’ sitt toroq f’Santa Venera. Ix-xogħol f’dawn it-toroq kien ingħata f’Diċembru li għadda bħala wieħed minn 22 period contract.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol illum wara nofsinhar, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li wħud minn dawn il-kuntratti tlestew u l-maġġoranza tal-bqija bdew resqin lejn it-tlestija. Fil-fatt sal-ġimgħa d-dieħla 7 period contracts ser ikunu tlestew minn kollox, filwaqt li l-oħrajn kollha jinsabu fi stadju ta’ tlestija li jaqbeż is-70%.
“Peress li l-parti l-kbira minn dawn il-lantijiet ser jingħalqu f’Mejju kif ippjanat, il-Gvern u l-ADT qed iħejju lista ta’ madwar 70 triq oħra li ser jinħarġu fil-grupp ta’ period contracts li jmiss,” qal il-Ministru.
Hu qal li x-xogħol li qed isir f’Santa Venera jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid ta’ parti minn triq residenzjali fl-inħawi ta’ l-Istitut Bonnici li teknikament kienet taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali, u li iżda ddaħħlet fil-programm tal-Gvern minħabba li dawn ma kinitx inbniet sew aktar minn għoxrin sena ilu. Il-valur ta’ dan ix-xogħol jaqbeż il-Lm65,000 (€151,409).
“Sfortunatament, minflok jikkopera mal-Gvern li kien qiegħed iwettaq xogħol li suppost twettaq mill-Kunsill Lokali, dan ta’ l-aħħar qagħad jinqeda bil-fatt li xi wħud mit-toroq li kienu ser isiru fl-istess period contract ma kienux għadhom ingħataw isem biex joħloq konfużjoni fost ir-residenti,” qal il-Ministru.
Hu spjega li l-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera bagħat serje ta’ ittri fi tlieta mill-ħames toroq li kienu inklużi f’dan il-period contract biex jinfurmahom li t-triq tagħhom ma kinitx ser tinbena għax ma saritx applikazzjoni mill-kuntrattur biex jibda x-xogħol fihom. Dan fil-fatt kien seħħ minħabba li dawn it-toroq ma kellhomx isem meta dawn kienu tkejjlu biex jinħadmu l-istejjem tagħhom mill-periti ta’ l-Awtorità Dwar it-Trasport.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żied jgħid li r-residenti ta’ Santa Venera dan l-aħħar gawdew ukoll minn titjib fit-toroq ewlenin li jagħtu lejn din il-lokalità. Dan sar permezz ta’ kuntratt b’valur ta’ Lm20,000 (€46,587) ta’ emergency patching li sar fi Triq il-Kanun u Triq Fleur de Lys.
“S’issa inħarġu ordnijiet ta’ xogħol fi 32 mill-47 raħal illi jidhru fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali li ppubblikajna s-sena l-oħra. L-ammont ta’ xogħol f’toroq residenzjali li sar fl-aħħar sena u tliet xhur juri li l-Gvern qed jaħdem b’mod globali fuq il-Programm tal-Bini ta’ Toroq Residenzjali u m’hu qed iħares lejn wiċċ ħadd fit-twettiq tiegħu. L-impenn tagħna jibqa’ dak li nwettqu kemm jista’ jkun minnu minkejja t-tfixkil u d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959