L-AMBAXXATUR TA’ MALTA GĦAL SAN MARINO JIPPREŻENTA L-KREDENZJALI
Nhar il-31 ta’ Marzu 2007, Walter Balzan ippreżenta l-kredenzjali tiegħu bħala l-Ambaxxatur ta’ Malta, lill-Eċċellenzi tagħhom, Antonio Carattoni u Roberto Giorgetti, il-Kapitani Regenti tar-Repubblika ta’ San Marino.
F’diskors li għamel fil-bidu taċ-ċerimonja, is-Segretarju ta’ l-Istat għall-Affarijiet Barranin, l-Onorevoli Fiorenzo Stolfi, fost oħrajn, irrikonoxxa l-progress li sar fl-aħħar snin fir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ Stati u għamel riferenza speċifika għall-ftehim milħuq dwar l-eżenzjoni ta’ taxxa doppja kif ukoll skambji ta’ delegazzjonijiet kummerċjali bl-iskop li jiġu konsidrati opportunitajiet ġodda ta’ investiment. L-Onor. Stolfi rrefera wkoll għal kif Malta ddistingwiet ruħha bħala post ideali għal-iżvilupp fis-servizzi finanzjarji u fit-teknoloġija ta’ l-informatika.
Filwaqt li wassal it-tislijiet tal-President Fenech Adami, tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi u tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Michael Frendo, l-Ambaxxatur Balzan tkellem dwar ir-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ Stati, kif ġeneralment riflessi fil-pożizzjonijiet komuni li jittieħdu u fl-appoġġ li jagħtu lill-xulxin f’fora internazzjonali partikolarment fin-Nazzjonijiet Uniti, fil-Kunsill ta’ l-Ewropa u fl-Organizazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa.
Permezz tar-realtà ġdida bħala Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta qed tassumi aktar responsabilità u rilevanza fil-bini ta’ Ewropa aktar b’saħħitha partikolarment bil-rwol attiv tagħha fil-politika Ewro Mediterranea.
Matul iż-żjara tiegħu fir-Repubblika ta’ San Marino, l-Ambaxxatur Balzan kellu wkoll laqgħat separati mas-Segretarju ta’ l-Istat għall-Affarijiet Barranin, l-Onor. Stolfi, mas-Segretarju ta’ l-Istat għall-Industrija, Artiġjanat u Kooperazjoni Ekonomika, l-Onor. Tito Masi, mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Enzo Donald Mularoni u ma’ l-Ambaxxatriċi ta’ San Marino għall-Malta Alessandra Albertini.
Matul l-istess laqgħat kienu diskussi diversi modi kif jistgħu jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ Stati f’diversi oqsma.
Fl-1 ta’ April 2007, l-Ambaxxatur Balzan, flimkien mal-membri tal-Korp Diplomatiku, attenda għaċ-ċerimonja tal-ġurament tal-Kapitani Reggenti l-ġodda ta’ San Marino, Alessandro Rossi u Alessandro Mancini.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959