Left arrow Go Back

MALTA U L-AFRIKA T’ISFEL JAĦDMU GĦAL TISĦIĦ FIR-RELAZZJONIJIET EKONOMIĊI: IFFIRMAT FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI FIL-ĦIDMA TAL-PULIZIJA

PR0500
Date Icon 04/04/2007

Malta u l-Afrika t’Isfel se jaħdmu flimkien biex itejjbu r-relazzjonijiet ekonomiċi ta’ bejniethom billi jiżviluppaw infrastruttura ta’ ftehim fl-oqsma ekonomiċi u fil-fatt bħalissa qed jitfasslu Ftehim għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja u ieħor dwar Garanzija għall-Investiment.  Dan wara li llum iffirmaw ftehim dwar Kooperazzjoni fil-qasam tal-Pulizija.

F’konferenza ta’ l-aħbarijiet li taw flimkien wara sessjoni ta’ taħditiet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ l-Afrika t’Isfel Mkosazana Dlamini Zuma qablu li r-relazzjonijiet politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi huma tajbin ħafna u issa wasal iż-żmien biex ikunu żviluppati aħjar ir-relazzjonijiet ekonomiċi.

Il-Ministru Frendo qal li Malta u l-Afrika t’Isfel għandhom parti mill-istorja u l-kultura tagħhom komuni fis-sens li t-tnejn kellhom jiġġieldu għall-ħelsien u l-indipendenza tagħhom.

Dan hu l-akbar pajjiż fil-kontinent Afrikan b’ekonomija li qed tikber kontinwament u għalhekk hu fl-interess taż-żewġ pajjiżi li jaħdmu flimkien.

Fid-diskussjonijiet li saru kienu diskussi r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.  Il-Ministru Frendo spjega kif Malta qed tfittex swieq ġodda għall-prodotti u s-servizzi tagħha, fosthom fil-qasam tat-trasbord u l-ħidma li qed issir biex pajjiżna jkompli jiżviluppa f’ hub ta’ attivita’ kummerċjali u ekonomika.

Malta tista’ tiftaħ il-bieb ta’ l-Ewropa għall-prodotti ta’ l-Afrika t’Isfel filwaqt li dan il-pajjiż jista’ jiftaħ il-bieb tas-suq ta’ l-Afrika għal prodotti Maltin.

Iż-żewġ pajjiżi jaħdmu flimkien ukoll fi ħdan il-Commonwealth fejn jaqsmu flimkien esperjenzi f’diversi oqsma fosthom f’dak tal-komunikazzjoni permezz tal-proġett Commonwealth Connects li l-Ministru Frendo jippresiedi.

Hemm lok li r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi jissaħħu aktar u fil-fatt aktar tard illum, il-Ministru ta’ l-Afrika t’Isfel se jkollha l-opportunita’ li tiltaqa’ informalment ma’ negozjanti Malti li investew jew iridu jesportaw il-prodotti tagħhom lejn dak il-pajjiż.

Mill-aspett multialterali, il-Ministru Frendo qal li l-Afrika t’Isfel il-lum hi membru tal-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Ministru Zuma ddiskutew il-kwestjoni tal-Kosovo u s-sitwazzjoni fiz-Zimbabwe.  Malta hi grat għall-ħidma ta’ l-Afrika t’Isfel biex tipprova twassal għal soluzzjoni ġusta tas-sitwazzjoni fiz-Zimbabwe, soluzzjoni demokratiku li tkun fl-interess tal-poplu.  Iż-żewġ pajjiżi impenjaw ruħhom li jkomplu jaħdmu għall-paċi fid-dinja.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Mkosazana Dlamini Zuma qalet li għalkemm din kienet l-ewwel żjara tagħha f’Malta, kienet impressjonata bl-istorja u l-kultura ta’ dan il-pajjiż u rringrazzjat lill-poplu Malti għall-ospitalita’ murija kif ukoll għas-solidarjeta’ li wera fl-imgħoddi meta pajjiżha kien qed jiġġieled għall-indipendenza u l-ħelsien tiegħu.

Sostniet li ma jeżistu ebda problema fir-relazzjonijiet politiċi bejn Malta u l-Afrika t’Isfel, iżda min-naħa l-oħra ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi għadhom ma żviluppawx kif wieħed jixtieq.  Għalhekk hi se taħdem biex tara li anke r-relazzjonijiet ekonomiċi jitjiebu. Bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta hi sieħeb importanti għall-Afrika t’Isfel.

Il-Ministru ta’ l-Afrika t’Isfel qalet li l-President ta’ pajjiżha ngħata l-inkarigu min-Nazzjonijiet Uniti biex jgħinu liz-Zimbabwe ssib soluzzjoni għall-problemi interni li hemm fil-pajjiż.  Din m’hix biċċa xogħol faċli u pajjiżha jinħtieġ l-appoġġ ta’ pajjiżi oħra biex jirnexxi f’din il-missjoni.  Dan ma jistax isir billi l-mexxejja taz-Zimbabwe, li jinsab f’xifer ta’ preċipizju, jiġu sfurzati għax dan jista’ jwassal biex il-pajjiż jiġi mbuttat l-isfel u ċ-ċittadini tiegħu jibqgħu jbagħtu.  Għalhekk trid issir ħidma bil-għaqal u b’ħafna paċenzja.

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni fil-ħidma tal-Pulizija jipprovdi għal kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ħidma kontra l-korruzzjoni u l-kriminalita’ organizzata u t-traffiku illegali ta’ armi, splussivi u materjal radjuattiv kif ukoll il-produzzjoni u t-traffiku illeċitu ta’ drogi narkotiċi u psikotropiċi u l-materjal użat fil-produzzjoni tagħhom.

Il-ftehim li jkopri perjodu ta’ ħames snin jgħid li l-forzi tal-pulizija taż-żewġ pajjiżi għandhom jaħdmu flimkien ukoll kontra reati ta’ natura ekonomika fosthom il-ħasil ta’ flus, il-produzzjoni u t-tmexxija ta’ flus foloz u t-traffiku ta’ persuni u ta’ oġġetti misruqa.

Mod ieħor kif se jikkoperaw bejniethom iż-żewġ pajjiżi hu billi jibdlu informazzjoni xjentifika jew forensika li għandha x’taqsam mal-ħidma kontra l-kriminalita’ u t-tixrid tad-droga.

Malta u l-Afrika t’Isfel ftehmu wkoll li l-forzi ta’ l-ordni rispettivi tagħhom jgħinu lil xulxin fir-rigward ta’ persuni li jkun fittxew kenn għandhom biex jaħarbu minn proċeduri kriminali f’pajjiżhom jew biex jevadu sentenzi kontrihom.

Il-Ministru ta’ l-Afrika t’Isfel waslet Malta l-bieraħ, tmexxi delegazzjoni ta’ livell għoli minn pajjiżha għal dawn it-taħditiet.  Hi sabet ukoll il-ħin biex iżżur l-Imdina u l-Kon Kattidral ta’ San Ġwann fejn apprezzat ferm dawn il-postijiet.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow