Left arrow Mur Lura

Stqarrija mill-Ministeru għall-iżvilupp urban u toroq: Ma saret ebda ekonomija falza fil-bini mill-ġdid tal-Bypass ta’ l-Imtarfa

PR0498
Date Icon 04/04/2007

L-argumenti li qed iġib il-Kelliem Ewlieni Laburista għat-Toroq, l-Onor.  Charles Buhagiar, dwar il-bini mill-ġdid ta’ toroq arterjali juru kemm l-Oppożizzjoni għadha ma fhemitx x’inhuma l-isfidi li għandu quddiemu pajjiżna f’dan il-qasam.  

Fl-aħħar stqarrija tiegħu dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-Bypass ta’ l-Imtarfa, l-Onor. Charles Buhagiar ikkritika lill-Gvern għad-dewmien fit-tlestija ta’ din it-triq u n-nefqa aħħarija fuqha. Ironikament, il-Kelliem ta’ l-Oppozizzjoni naqas milli jsemmi li dan il-proġett kellu jsir minħabba l-inkompetenza u t-traskuraġni li kienu jikkaratterizzaw ix-xogħlijiet infrastrutturali li saru minn Gvernijiet Laburisti fil-passat. 

Il-Bypass ta’ l-Imtarfa kienet waħda mit-toroq li kienu nbnew mill-Gvern Laburista tat-tmeninijiet. Waqt li kienet qed tinbena mill-ġdid, kien instab li din it-triq mhux biss kienet inbniet fuq xifer ta’ għolja taflija, mingħajr ilqugħ ta’ xejn għaliha fuq in-naħa tal-wied, iżda kienet ukoll inbniet fuq pedament ta’ radam mimli materjal organiku, bħal zkuk tas-siġar. 

Li din it-triq kienet inbniet ħażin, jixhdu l-fatt li din bdiet tisfronda ftit snin wara li nfetħet. Il-kundizzjoni tagħha tant iddeterjorat li eventwalment karreġġjata minnha kellha tingħalaq għat-traffiku minħabba li saħansitra setgħet tkun ta’ periklu għal kull min kien qiegħed isuq fuqha. 

Għall-kuntrarju ta’ dan, fil-proġett ta’ bini mill-ġdid tal-bypass, ittieħdu miżuri biex din ma terġax issofri mill-istess ċedimenti strutturali. Dan sar billi nbena dak li x’aktarx huwa l-itwal u l-ogħla retaining wall li qatt inbena fi proġetti ta’ toroq reċenti. In-nefqa fuq dan il-ħajt kienet ekwivalenti għal aktar min-nofs l-ispiża aħħarija totali. Inbnew ukoll water culverts għall-ilqugħ ta’ l-ilma tax-xita.  

Għalhekk, joħroġ ċar li l-ispiża ta’ Lm1.2 miljuni (€2.8 miljuni) fuq dan il-proġett ma kienitx frott ta’ nuqqas ta’ ppjanar, bħal ma qed tallega l-Oppożizzjoni, iżda din l-ispiża tirriżulta mill-fatt li f’dan il-proġett ma saret ebda ekonomija falza, bħalma kien isir fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista.  

Il-Perit Buhagiar naqas milli jsemmi wkoll li waqt li kienet qed tinbena mill-ġdid il-Bypass ta’ l-Imtarfa, il-pajjiż kien għaddej bi programm estensiv ta’ tiġdid ta’ toroq arterjali, fosthom toroq li jmissu ma’ din il-bypass. Dan il-programm wassal biex mis-sena 2000 ‘l hawn, inbnew mas-26 fil-mija tat-toroq arterjali u distributorji f’Malta. 

Għalhekk, jekk wieħed irid jitkellem fuq il-kompetenza ta’  amministrazzjonijiet differenti f’dan il-qasam,  jista’ jqabbel il-madwar kilometru wiehed (1) ta’ toroq arterjali li nbnew bejn l-1997 u l-1998, mas-37.5 kilometri ta’ toroq arterjali u distributorji li nbnew fl-aħħar sitt snin u nofs. 

Ta’ min jistaqsi wkoll kif, minkejja l-ftaħir kollu ta’ l-Oppozizzjoni dwar kemm kienu jiġu ppjanati bir-reqqa l-proġetti infrastrutturali bejn l-1997 u l-1998, f’dak iż-żmien ma kienx hemm proġett li kien jinvolvi bini ta’ toroq li ma qabiżx l-ispiza ppjanata bil-kbir. 

Hija ironija li fi żmien meta kien diġa twaqqaf il-Unit ta’ Kordinament - li ta’ spiss jissemma fl-istqarrijiet ta’ l-Oppożizzjoni -  proġetti bħal dak ta’ Buġibba li kellu jiġi jqum Lm1.95 miljuni (€4.5 miljuni), spiċċa biex sewa Lm3.56 miljuni (€8.2 miljuni) - jew żieda ta’ aktar minn 80% fuq l-ispiża ppjanata.  

Jidher ukoll li bejn l-1997 u l-1998, il-Unit ta’ Kordinament anqas kiseb titjib fil-kwalità tax-xogħol fil-ftit toroq li nbnew mill-ġdid f’dak il-perjodu. Dan jidher ċar fi Triq Ħaż-Żabbar, fejn il-metodi ta’ kostruzzjoni li kienu ntużaw fil-bini mill-ġdid ta’ din it-triq, wasslu biex illum - inqas minn għaxar snin wara - l-asfalt fil-wiċċ ta’ din it-triq tant iddegrada, li huwa kollu mmewweġ. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-mod kif qed jinbnew it-toroq arterjali u distributorji mill-Gvern preżenti - fejn it-toroq qed jinbnew biex iservu għal 25 sena mingħajr il-bżonn li jsiru nterventi fuq l-istruttura tagħhom.  

Minn dan kollu joħroġ ċar li l-Oppożizzjoni għadha ma fhemitx li l-isfida li għandu pajjiżna f’dan il-qasam m’hix li jinqatgħu l-kantunieri, iżda li ma ssir ebda ekonomija falza li tista’ tikkomprometti l-kwalità u d-durabilità tax-xogħlijiet li jsiru.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow