Imnedija l-Fondazzjoni Kumpannija Ewropea taż-Żfin
Hemm il-ħsieb li l-Kumpannija Ewropea taż-Żfin titwaqqaf f’Malta b’numru ta’ żgħażagħ mill-Istati Membri ta’ l-UE li ser jintagħżlu biex jieħdu sehem f’żewġ programmi: apprentistat ta’ tliet snin għal numru żgħir ta’ persuni u apprentistati ta’ tlett xhur għal numru akbar ta’ parteċipanti.
Il-ħsieb wara dan il-proġett hu li jkun hemm integrazzjoni soċjali u artistika bejn 30 żeffien ewlieni, idealment wieħed minn kull Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea flimkien ma’ tlett ‘understudies’.
Il-Kumpannija Ewropea taż-Żfin trid li tgħaqqad flimkien forom ta’ żfin mit-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Lvant u l-Punent ta’ l-Ewropa biex jinħoloq il-ġenesi ta’ kunċett ġdid: Żfin Ewropew, li jkun ta’ vetrina ma’ l-Ewropa kollha u barra l-Ewropa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-Fondazzjoni Kumpannija Ewropea taż-Żfin waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu – Ċentru għall-Kreattività.
“It-tnedija ta’ din il-fondazzjoni f’għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Ewropea u f’għeluq it-tielet sena mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għalina l-Maltin għandha sinifikat qawwi għaliex turi li s-sħubija tagħna f’din l-Ewropa ta’ 27 nazzjon hi waħda dinamika,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna, anke jekk l-iżgħar fl-UE, qed jagħti kontribut kbir f’ideat u proġetti li qed jitwettqu flimkien ma’ Stati Membri oħrajn. Hu qal li l-kultura kienet għalina qasam importanti. “Mhux biss il-kultura kienet tagħtina l-identità tagħna iżda kienet ukoll mezz mill-aqwa għall-integrazzjoni bejn il-popli Ewropej, mezz qawwi daqs dak politiku u ekonomiku,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Francis Zammit Dimech qal li l-Unjoni Ewropea kienet ġeluża li tħares l-identitajiet differenti tal-pajjiżi membri għaliex temmen li d-diversita’ hi ukoll għodda għall-iżvilupp demokratiku tal-popli Ewropej.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura kellha wkoll dimensjoni ekonomika. “Studju ppreżentat lill-Ministri tal-Kultura ta’ l-UE fit-13 ta’ Novembru tas-sena l-oħra juri li l-kultura tikkontribwixxi 2.6 fil-mija tal-ġid nazzjonali ta’ l-UE u timpjega mill-inqas 5.8 miljun persuna. L-istess studju wera li s-settur tal-kultura hu makna ta’ kreattività, u li l-kreattività hi l-bażi ta’ l-innovazzjoni soċjali u ekonomika,” osserva l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’Malta il-kultura kienet tilħaq sinifikat aktar qawwi sew minħabba l-istorja ta’ pajjiżna li kienet tmur lura 7,000 sena u anke minħabba l-fatt li l-kultura kienet waħda minn niċeċ l-aktar importanti tas-settur turistiku li f’pajjiżna kien jikkontribwixxi kwart tal-ġid nazzjonali.
“Nemmen li kull inizjattiva li tittieħed biex inkomplu nsaħħu s-settur kulturali ta’ pajjiżna għandha ssib l-appoġġ mhux biss tal-Gvern iżda tal-poplu kollu. Nemmen li t-twaqqif tal-Kumpannija Ewropea taż-Żfin ser ikompli joħroġ fil-beraħ it-talenti tal-Maltin u jpoġġi lil Malta fuq il-mappa kulturali Ewropea,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribuzzjoni tagħhom biex din l-inizjattiva tiġi mnedija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959