Left arrow Go Back

Imnedija l-Fondazzjoni Kumpannija Ewropea taż-Żfin

PR0495
Date Icon 04/04/2007

Hemm il-ħsieb li l-Kumpannija Ewropea taż-Żfin titwaqqaf f’Malta b’numru ta’ żgħażagħ mill-Istati Membri ta’ l-UE li ser jintagħżlu biex jieħdu sehem f’żewġ programmi: apprentistat ta’ tliet snin għal numru żgħir ta’ persuni u apprentistati ta’ tlett xhur għal numru akbar ta’ parteċipanti.

Il-ħsieb wara dan il-proġett hu li jkun  hemm integrazzjoni soċjali u artistika bejn 30 żeffien ewlieni, idealment wieħed minn kull Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea flimkien ma’ tlett ‘understudies’.

Il-Kumpannija Ewropea taż-Żfin trid li tgħaqqad flimkien forom ta’ żfin mit-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Lvant u l-Punent ta’ l-Ewropa biex jinħoloq il-ġenesi ta’ kunċett ġdid: Żfin Ewropew, li jkun ta’ vetrina ma’ l-Ewropa kollha u barra l-Ewropa.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-Fondazzjoni Kumpannija Ewropea taż-Żfin waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu – Ċentru għall-Kreattività.

“It-tnedija ta’ din il-fondazzjoni f’għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Ewropea u f’għeluq it-tielet sena mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għalina l-Maltin għandha sinifikat qawwi għaliex turi li s-sħubija tagħna f’din l-Ewropa ta’ 27 nazzjon hi waħda dinamika,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna, anke jekk l-iżgħar fl-UE, qed jagħti kontribut kbir f’ideat u proġetti li qed jitwettqu flimkien ma’ Stati Membri oħrajn. Hu qal li l-kultura kienet għalina qasam importanti. “Mhux biss il-kultura kienet tagħtina l-identità tagħna iżda kienet ukoll mezz mill-aqwa għall-integrazzjoni bejn il-popli Ewropej, mezz qawwi daqs dak politiku u ekonomiku,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.

Francis Zammit Dimech qal li l-Unjoni Ewropea kienet ġeluża li tħares l-identitajiet differenti tal-pajjiżi membri għaliex temmen li d-diversita’ hi ukoll għodda għall-iżvilupp demokratiku tal-popli Ewropej.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura kellha wkoll dimensjoni ekonomika.  “Studju ppreżentat lill-Ministri tal-Kultura ta’ l-UE fit-13 ta’ Novembru tas-sena l-oħra juri li l-kultura tikkontribwixxi 2.6 fil-mija tal-ġid nazzjonali ta’ l-UE u timpjega mill-inqas 5.8 miljun persuna. L-istess studju wera li s-settur tal-kultura hu makna ta’ kreattività, u li l-kreattività hi l-bażi ta’ l-innovazzjoni soċjali u ekonomika,” osserva l-Ministru Zammit Dimech.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’Malta il-kultura kienet tilħaq  sinifikat aktar qawwi sew minħabba l-istorja ta’ pajjiżna li kienet tmur lura 7,000 sena u anke minħabba l-fatt li l-kultura kienet waħda minn niċeċ l-aktar importanti tas-settur turistiku li f’pajjiżna kien jikkontribwixxi kwart tal-ġid nazzjonali.

“Nemmen li kull inizjattiva li tittieħed biex inkomplu nsaħħu s-settur kulturali ta’ pajjiżna għandha ssib l-appoġġ mhux biss tal-Gvern iżda tal-poplu kollu. Nemmen li t-twaqqif tal-Kumpannija Ewropea taż-Żfin ser ikompli joħroġ fil-beraħ it-talenti tal-Maltin u jpoġġi lil Malta fuq il-mappa kulturali Ewropea,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribuzzjoni tagħhom biex din l-inizjattiva  tiġi mnedija.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow