Left arrow Mur Lura

Il-qniepen ta’ l-Arloġġ taċ-Ċittadella f’Għawdex ser jisktu ... għar-restawr

PR0493
Date Icon 03/04/2007

Il-qniepen ta’ l-arloġġ taċ-Ċittadella f’Għawdex, li ilhom idoqqu l-ħin fil-pożizzjoni preżenti tagħhom sa mill-1858, ser ikunu siekta għal ftit żmien sakemm jittieħdu għar-restawr. Ix-xogħol ġie kummissjonat mill-Ministeru għal Għawdex bħala parti mix-xogħol ta’ restawr li qiegħed isir fiċ-Ċittadella. 

Skond riċerka dettaljata li saret jirriżulta li l-eqdem waħda miż-żewġ qniepen hija dik li fuqha jindaqqu l-kwarti. Attribwita lill-aħwa Luca u Mederico Menville, fondituri tal-Ferreria ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann, bejn l-1697 u l-ewwel snin tas-seklu tmintax. Probabilment, din il-qanpiena kienet imdendla iktar kmieni fuq l-arloġġ il-qadim li jinsab fil-Pjazza tal-Katidral. 

Il-qanpiena li fuqha jindaqqu s-siegħat iġġib id-data 1819 u hija attribwita lill-fonditur Ferdinando Leotta li flimkien ma’ ħuh Sebastiano ħadmu bħala fondituri tal-qniepen f’Għajn Dwieli wara li l-Ferreria ta’ l-Ordni kienet ġiet magħluqa wara li l-Ordni tkeċċiet minn Malta mill-Franċiżi. 

Ir-restawr fuq dawn il-qniepen ser isir mill-kampanoloġista Kenneth Cauchi li għamel xogħol simili fuq għadd ta’ qniepen storiċi f’Malta, inklużi dawk tal-Kattidral ta’ l-Imdina, tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fil-Belt u dawk tal-Kattidral ta’ Għawdex fiċ-Ċittadella. 

Qanpiena oħra ta’ qies iżgħar, li qabel kienet ta’ l-isptar ta’ l-Ordni fir-Rabat Għawdex u li dan l-aħħar kienet tinsab fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ukoll ser tiġi restawrata. Din kienet magħmula fil-Ferreria ta’ l-Ordni u probabilment saret fl-aħħar snin tas-seklu sbatax. 

Waqt li l-qniepen ikunu qed jiġu restawrati, impjegati tad-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser iwettqu xogħol urġenti ta’ manutenzjoni fuq il-bejt tat-torri tal-Arloġġ kif ukoll fil-mekkaniżmu li jżomm il-ħin u jdoqq il-kwarti u s-siegħat.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow