Left arrow Mur Lura

Jintemmu xogħlijiet ta’ Restawr fuq parti mis-Swar fid-daħla tal-Birgu

PR0489
Date Icon 03/04/2007

Il-viżjoni tal-Gvern favur ir-restawr u l-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna llum aktar minn qatt qabel qed issir realta`. Fl-aħħar snin saru numru sostanzjali ta’ proġetti ta’ restawr fuq diversi monumenti storiċi fosthom kappelli, knejjes, monumenti ta’ valur, swar, fortifikazzjonijiet u binjiet oħra ta’ valur arkitettoniku. Il-ħidma ser tkun intensifikata fis-snin li ġejjin għaliex il-Gvern, bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea, ser ikun qed jinvesti `l fuq minn Lm12-il miljun jew €30 miljun f’dan il-qasam. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor.  Ninu Zammit meta kien qed iżur it-tlestija ta’ xogħlijiet ta’ restawr fuq parti mis-swar fid-daħla tal-Birgu. 

Il-Belt iffortifikata tal-Birgu, magħrufa wkoll bħala Vittoriosa minħabba s-sehem importanti tagħha fl-Assedju l-Kbir ta’ l-1565 kontra t-Torok, hija, bla dubbju ta’ xejn waħda mill-iżjed siti mportanti f’Malta fejn tidħol l-arkitettura militari.  Is-swar ta’ din il-Belt imorru lura għal 1530.  Wara l-1565 issewwiet il-ħsara kkaġunata matul l-Assedju u  l-kavallieri baqgħu jinvestu u jkabbru dawn is-swar sakemm, fl-1715, ġew immodernizzati u mibdula fis-sistema ta’ difiża li naraw illum, prodott tal-inġiniera militari Franċiżi, fosthom Charles  Francois de Mondion. 

Il-Ministru Zammit spjega li, sfortunatament, kemm minħabba l-aħħar gwerra, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ attenzjoni u manutenzjoni u l-ħtiġijiet urbani moderni, dawn is-swar tal-Birgu sofrew ħafna ħsara strutturali matul dan l-aħħar seklu.  Illum jinħtieġ ħafna restawr u tiswijiet biex verament jerġgħu jiġu apprezzati kif jixirqilhom bħala monumenti mportanti ta’ arkitettura militari bi storja kbira warajhom. 

Għaldaqstant, matul dawn l-aħħar snin il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, nieda proġett biex issir manutenzjoni ta’ dawn is-swar.  Il-ħidma ffukat fuq id-daħla tal-Birgu minħabba l-istat ħażin li kienet fih din il-parti tas-swar.  Ix-xogħlijiet involuti saru bl-użu ta’ platforms li nxtraw apposta mit-Taqsima tar-Restawr.  Dawn l-interventi kienu jinvolvu t-tneħħija ta’ siġar u ħaxix ħażin li kien jikber fuq is-swar, tindif tal-ġebel, konsolidament ta’ ġebel immermer u spustat, kif ukoll bdil ta’ ġebel immermer li kien qiegħed jipperikola l-kundizzjoni tas-swar.   

Matul dawn l-aħħar tlett snin huwa stmat li madwar żewġ kilometri u nofs ta’ swar ġew restawrati.  Ma’ dawn, wieħed irid iżid ix-xogħol estensiv li sar biex il-batterija li tinsab fit-tarf tal-foss tiġi restawrata u rijabilitata.  Ix-xogħol f’din il-batterija kien jinvolvi t-tindif mill-materjal li kien akkumula matul is-snin, it-tneħħija ta’ siġar li kibru f’nofsha, ir-restawr tal-ġebel deterjorat, kif ukoll ir-rikostruzzjoni ta’ partijiet li kienu waqgħu matul iż-żmien. 

Dan ix-xogħol issa qiegħed jiġi segwit bi studji dettaljati li qegħdin isiru bi preparazzjoni għal xogħlijiet ta’ restawr xjentifiku u speċjalizzat, li huwa proġettat li jsir fuq is-swar kollha tad-daħla tal-Birgu b’fondi strutturali mill-Kummissjoni Ewropea.  B’dawn ix-xogħlijiet, minbarra ir-restawr tas-swar huwa pjanat li jiġi rijabilitat il-foss biex iservi bħala mezz kemm ta’ rikreazzjoni, kif ukoll ta’ passaġġ pedonali li jgħaqqad ix-Xatt ta’ Bormla mal-Birgu u  l-Kalkara. Hu maħsub ukoll li jerġa’ jiġi rkuprat il-foss li kien hemm madwar il-Couvre Porte biex jerġa` jagħti daħla xierqa lil din il-parti mportanti tal-fortifikazzjonijiet, kif ukoll tiġi ppavimentata l-parti tal-Collacchio fil-Birgu. 

Il-proġett tar-restawr tas-swar u l-fortifikazzjonijiet ta’ pajjiżna ma jinkludix biss xogħlijiet fil-Kottonera iżda ser jestendi għal xogħlijiet fl-Imdina, il-Belt Valletta u ċ-Cittadella f’Ghawdex. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jinħarġu l-offerti għal xogħlijiet ta’ restawr fuq parti mill-fortifikazzjonijiet taħt il-Palazz Vilhena fl-Imdina, fiż-żona tal-binja tal-Kavallier ta’ San Gwann fil-Birgu u fuq il-Bastjun ta’ Sant’Andrija u dak ta’ San Gwann fil-belt Valletta. 

Il-Ministru Ninu Zammit temm jgħid li l-konsolidament, ir-restawr u r-rijabilitazzjoni tas-swar, bastjuni, u fortifikazzjonijiet li jdawru l-bliet storiċi ta’ pajjiżna ser jagħtu ħajja ġdida liż-żoni kollha konċernati bil-għan li dawn isiru attrazzjoni turistika kif ukoll fl-istess ħin jiġi msaħħaħ l-aspett soċjo-kulturali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow