Jintemmu xogħlijiet ta’ Restawr fuq parti mis-Swar fid-daħla tal-Birgu
Il-viżjoni tal-Gvern favur ir-restawr u l-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna llum aktar minn qatt qabel qed issir realta`. Fl-aħħar snin saru numru sostanzjali ta’ proġetti ta’ restawr fuq diversi monumenti storiċi fosthom kappelli, knejjes, monumenti ta’ valur, swar, fortifikazzjonijiet u binjiet oħra ta’ valur arkitettoniku. Il-ħidma ser tkun intensifikata fis-snin li ġejjin għaliex il-Gvern, bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea, ser ikun qed jinvesti `l fuq minn Lm12-il miljun jew €30 miljun f’dan il-qasam. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit meta kien qed iżur it-tlestija ta’ xogħlijiet ta’ restawr fuq parti mis-swar fid-daħla tal-Birgu.
Il-Belt iffortifikata tal-Birgu, magħrufa wkoll bħala Vittoriosa minħabba s-sehem importanti tagħha fl-Assedju l-Kbir ta’ l-1565 kontra t-Torok, hija, bla dubbju ta’ xejn waħda mill-iżjed siti mportanti f’Malta fejn tidħol l-arkitettura militari. Is-swar ta’ din il-Belt imorru lura għal 1530. Wara l-1565 issewwiet il-ħsara kkaġunata matul l-Assedju u l-kavallieri baqgħu jinvestu u jkabbru dawn is-swar sakemm, fl-1715, ġew immodernizzati u mibdula fis-sistema ta’ difiża li naraw illum, prodott tal-inġiniera militari Franċiżi, fosthom Charles Francois de Mondion.
Il-Ministru Zammit spjega li, sfortunatament, kemm minħabba l-aħħar gwerra, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ attenzjoni u manutenzjoni u l-ħtiġijiet urbani moderni, dawn is-swar tal-Birgu sofrew ħafna ħsara strutturali matul dan l-aħħar seklu. Illum jinħtieġ ħafna restawr u tiswijiet biex verament jerġgħu jiġu apprezzati kif jixirqilhom bħala monumenti mportanti ta’ arkitettura militari bi storja kbira warajhom.
Għaldaqstant, matul dawn l-aħħar snin il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, nieda proġett biex issir manutenzjoni ta’ dawn is-swar. Il-ħidma ffukat fuq id-daħla tal-Birgu minħabba l-istat ħażin li kienet fih din il-parti tas-swar. Ix-xogħlijiet involuti saru bl-użu ta’ platforms li nxtraw apposta mit-Taqsima tar-Restawr. Dawn l-interventi kienu jinvolvu t-tneħħija ta’ siġar u ħaxix ħażin li kien jikber fuq is-swar, tindif tal-ġebel, konsolidament ta’ ġebel immermer u spustat, kif ukoll bdil ta’ ġebel immermer li kien qiegħed jipperikola l-kundizzjoni tas-swar.
Matul dawn l-aħħar tlett snin huwa stmat li madwar żewġ kilometri u nofs ta’ swar ġew restawrati. Ma’ dawn, wieħed irid iżid ix-xogħol estensiv li sar biex il-batterija li tinsab fit-tarf tal-foss tiġi restawrata u rijabilitata. Ix-xogħol f’din il-batterija kien jinvolvi t-tindif mill-materjal li kien akkumula matul is-snin, it-tneħħija ta’ siġar li kibru f’nofsha, ir-restawr tal-ġebel deterjorat, kif ukoll ir-rikostruzzjoni ta’ partijiet li kienu waqgħu matul iż-żmien.
Dan ix-xogħol issa qiegħed jiġi segwit bi studji dettaljati li qegħdin isiru bi preparazzjoni għal xogħlijiet ta’ restawr xjentifiku u speċjalizzat, li huwa proġettat li jsir fuq is-swar kollha tad-daħla tal-Birgu b’fondi strutturali mill-Kummissjoni Ewropea. B’dawn ix-xogħlijiet, minbarra ir-restawr tas-swar huwa pjanat li jiġi rijabilitat il-foss biex iservi bħala mezz kemm ta’ rikreazzjoni, kif ukoll ta’ passaġġ pedonali li jgħaqqad ix-Xatt ta’ Bormla mal-Birgu u l-Kalkara. Hu maħsub ukoll li jerġa’ jiġi rkuprat il-foss li kien hemm madwar il-Couvre Porte biex jerġa` jagħti daħla xierqa lil din il-parti mportanti tal-fortifikazzjonijiet, kif ukoll tiġi ppavimentata l-parti tal-Collacchio fil-Birgu.
Il-proġett tar-restawr tas-swar u l-fortifikazzjonijiet ta’ pajjiżna ma jinkludix biss xogħlijiet fil-Kottonera iżda ser jestendi għal xogħlijiet fl-Imdina, il-Belt Valletta u ċ-Cittadella f’Ghawdex. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jinħarġu l-offerti għal xogħlijiet ta’ restawr fuq parti mill-fortifikazzjonijiet taħt il-Palazz Vilhena fl-Imdina, fiż-żona tal-binja tal-Kavallier ta’ San Gwann fil-Birgu u fuq il-Bastjun ta’ Sant’Andrija u dak ta’ San Gwann fil-belt Valletta.
Il-Ministru Ninu Zammit temm jgħid li l-konsolidament, ir-restawr u r-rijabilitazzjoni tas-swar, bastjuni, u fortifikazzjonijiet li jdawru l-bliet storiċi ta’ pajjiżna ser jagħtu ħajja ġdida liż-żoni kollha konċernati bil-għan li dawn isiru attrazzjoni turistika kif ukoll fl-istess ħin jiġi msaħħaħ l-aspett soċjo-kulturali.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959