AKTAR TURISTI FIX-XHUR TAX-XITWA
Bejn Novembru 2006 u Frar 2007, il-perjodu li fis-settur tat-turiżmu huwa meqjus bħala l-aktar wieħed kwiet, pajjiżna ra żieda ta’ 12,411 fin-numru ta’ turisti li jżuruna. Din iż-żieda ta’ sitta fil-mija fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna tidher aktar qawwija meta mqabbla ma’ l-istess perijodu ta’ l-2004/05. Iż-żieda fuq dak il-perijodu kienet ta’ 13,853, jew ta’ 6.7 fil-mija.
F’Novembru 2006 kien hemm żieda ta’ 1,883 turist fuq Novembru, 2005; f’Diċembru ż-żieda kienet ta’ 6,070 turist; f’Jannar ta’ 1,121 turist u fi Frar iż-żieda kienet ta’ 3,246 turist. Ċifri maħruġa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jindikaw li din ix-xejra pożittiva kompliet ukoll f’Marzu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech ikkumenta li dawn iċ-ċifri juru li l-miżuri li ħa l-Gvern sabiex jiġġenera turiżmu ġdid lejn pajjiżna bdew iħallu riżultati. Hu qal li hu mistenni li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, it-turiżmu ser ikompli jiżdied hekk kif bdew joperaw lejn pajjiżna l-linji ta’ l-ajru low-cost Germanwings, Meridiana u darba tibda topera l-Click Air.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawn il-linji ta’ l-ajru flimkien ma’ Ryanair ser iġorru bejniethom ’il fuq minn 120,000 passiġġieri. Dan ifisser li viċin l-10 fil-mija tat-turiżmu lejn pajjiżna issa qed ikun iġġenerat permezz tal-linji ta’ l-ajru low-cost.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fix-xhur li għaddew saret ħidma intensiva mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta u mill-MIA plc li wasslet għal dawn ir-riżultati.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura tenna li l-Gvern hu konxju mill-potenzjal ta’ dan is-settur u ser ikompli fil-ħidma tiegħu sabiex jiżdiedu r-rotot lejn Malta.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959