MaltA TIffirma L-KONVENZJONI DWAR ID-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’ DIŻABILITÀ MA’ L-EWWEL PAJJIŻI
Illum, Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li ffirmat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Protokoll li hemm magħha. Din il-Konvenzjoni nfetħet għall-firem mill-Istati Membri llum stess. Malta, permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilità hadet sehem attiv fit-tfassil ta’ din il-Konvenzjoni.
L-għan tal-Konvenzjoni hu li tippromwovi, tħares u tassikura li persuni b’diżabilità jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom b’mod sħiħ u titkellem dwar oqsma differenti bħalma huma l-aċċessibilità, is-saħħa, l-edukazzjoni, ix-xogħol, id-divertiment, l-abilitazzjoni u riabilitazzjoni, il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika, l-ugwaljanza u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba d-dizabilità.
Il-Konvenzjoni tħares lejn id-diżabilità mil-lenti tad-drittijiet umani u tirrikonoxxi li l-ostakali maħluqa mis-Socjetà stess u l-preġudizzji huma fihom infushom sors ta’ diżabilità.
Fil-waqt li tipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra persuni minhabba d-diżabilità tagħhom, huwa ttamat li din il-Konvenzjoni sservi ta’ strument li jwassal sabiex dawn il-persuni jgawdu b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom anke fl-oqsma tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u soċjali.
Protokoll anness ma’ din il-Konvenzjoni u li Malta ffirmat ukoll jipprovdi għall-ħolqien ta’ Kumitat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li jkun kompost minn 12-il espert, li jikber sa 18-il membru meta n-numru ta’ pajjiżi li jirratifikaw il-Konvenzjoni jiżdiedu b’60 pajjiż ieħor. Dan il-Kumitat ikun jista’ jirċievi petizzjonijiet minn individwi jew gruppi, li ma jsibux rimedju għall-ilmenti tagħhom wara li jkunu rrikorrew għar-riżorsi proċedurali ta’ pajjiżhom stess. Il-pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni għandhom jirrapurtaw lill-Kumitat dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-provvedimenti tagħha u fejn isib li ma jkunx sar progress biżżejjed, dan jagħmel rakkomandazzjonijiet li jidhirlu xierqa.
Fil-waqt li ffirmat din il-Konvenzjoni, Malta ppreżentat nota ta’ interpretazzjoni. F’din in-nota, pajjiżna jistqarr li jifhem li l-frażi ‘saħħa sesswali u riproduttiva’ fl-Artiklu 25(a) tal-Konvenzjoni ma tikkostitwix rikonoxximent ta’ dritt għall-abort. Malta temmen li l-persuni b’dizabilità huma fost l-aktar nies vulnerabbli għall-abort minhabba l-prattika komuni li tarbija f’ġuf ommha b’difett tiġi abortita.
Saret ukoll riserva oħra fuq partijiet minn Artiklu 29 tal-Konvenzjoni, li jitkellem dwar id-dritt tal-vot. Hawnhekk Malta qed tgħid li “filwaqt li l-Gvern Malti hu kommess biex jassigura li persuni b’diżabilità jipparteċipaw b’mod sħiħ u effettiv fil-ħajja politika u pubblika, inkluż id-dritt li jivvutaw b’vot sigriet fl-elezzjonijiet u r-referenda u li jikkontestaw l-elezzjonijiet, tirriserva d-dritt li tibqa’ tapplika l-liġi elettorali attwali f’dawk li huma proċeduri tal-votazzjoni, il-faċilitajiet u l-assistenza.”
F’dan il-kuntest, fil-waqt li Kostituzzjoni ta’ Malta (artiklu 56, 10 (b)) tipprovdi għall-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fil-kaz ta’ votazzjoni assistita, il-Gvern jawgura li l-Kummissjoni Elettorali tipproċedi fuq it-talbiet tal-persuni b’diżabilità u l-partiti politiċi f’dan il-qasam.
Wara l-iffirmar tal-Konvenzjoni llum, imiss li jsir studju dwar x’jeħtieġ isir fid-dettal biex Malta tkun konformi kompletament ma’ din il-Konvenzjoni. Wara dan, Malta tagħti l-pass li jmiss, jiġifieri r-ratifika ta’ din il-Konvenzjoni. Ix-xewqa tal-Gvern Malti hija li mar-ratifika tal-Konvenzjoni, ir-riserva fuq Artiklu 29 tal-Konvenzjoni titneħħa għal kollox.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959