Diskors mill-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’, lill-Konferenza Ġenerali tal-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) – Furjana - 29 ta’ Marzu 2007
Sinjuri,
Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjakom ta’ din l-istedina għall-Konferenza Ġenerali li matulha se jiġu eletti l-membri l-ġodda tal-Kunsill ta' l-MUMN. Nixtieq hawnhekk nieħu l-okkażjoni biex insellem lil Rudolph Cini li ħalla l-kariga ta' President tal-Union wara għaxar snin fit-tmun tagħha. Matul dawn l-aħħar għaxar snin kienu diversi l-punti li ma qbilniex dwarhom. Madankollu nkun qed nonqos jekk ma nistqarrx li Rudolph ħadem u stinka b’dedikazzjoni biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri fi ħdan il-Union. Il-persistenza u l-entużjażmu tiegħu kienu strumentali biex l-MUMN stabilixxiet ruħha fix-xena tredjunjonistika Maltija. Konvint li minkejja li spiċċa mill-kariga, fadallu ħafna iktar kontribut x'jagħti f'dan is-settur. Minn hawnhekk nawguralu l-istess suċċess fil-karriera professjonali tiegħu.
Hi x-xewqa tiegħi li f'dan il-ħin li għandi għad-disposizzjoni, naqsam xi ftit punti magħkom li jirrigwardjaw l-ħsibijiet tagħna bħala gvern dwar il-pazjent, is-servizzi tal-kura u dawk li jwasslu dawn is-servizzi b'enfasi fuq l-infermiera.
Il-pazjent. Dan il-gvern sa mill-bidu nett dejjem saħaq, u ma jixbax jirrepeti, li għalih, il-pazjent huwa ċ-ċentru ta’ kull servizz li jingħata. Kull deċiżjoni li ttieħdet fil-passat u oħrajn li għad jittieħdu, se jittieħdu b’din il-konvinzjoni. Għalina li nħaddnu prinċipji msejjsa fuq il-valuri nsara, il-persuna, iktar milli l-individwu, għandha valur intrinsiku u fundamentali. Nemmnu bil-qawwa li s-settur tas-saħħa huwa wieħed mill-aktar oqsma fejn dawn il-valuri jistgħu jiġu mħaddma. Nieħu gost ninnota li anki l-Oppożizzjoni issa qed tagħraf li l-persuna trid tkun fiċ-ċentru tas-servizz. Dan hu dikjarat fid-dokument “Poplu b’Saħħtu, Pajjiz b’Saħħtu” li kien ippublikat xi ftit taż-żmien ilu.
Kien għalhekk li meta, madwar tliet snin ilu rrevedejna l-liġi dwar il-professjonijiet mediċi, ħadna ħsieb biex fuq kull Kunsill, Kumitat jew Bord ninkludu rappreżentant jew iżjed tal-pazjent. Hekk għamilna fuq il-Kunsill dwar l-Infermiera u l-Qwiebel, kif tistgħu tixhdu intom stess.
Pass ieħor li se nieħdu u li juri l-impenn tagħna favur il-pazjent, għax se jiggarantixxi kwalità għola fl-għoti tas-servizzi, hi l-qasma proposta fir-rwoli fi ħdan id-Divizjoni tas-Saħħa. Bil-liġi dwar is-servizzi tas-saħħa li għandha titressaq fil-Parlament, ir-rwoli tar-Regolatur, min jixtri s-servizzi, kif ukoll min jipprovdihom, se jkunu distinti minn xulxin. Dan kollu biex s-servizz jitjieb u l-poplu Malti jkun jista' jgawdi livell ta’ saħħa aħjar milli diġà qed jagħmel, livell li ġie rikonoxxut mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Anki hawn ninnota b'sodisfazzjon li l-Oppożizzjoni ġejja warajna kif kien dikjarat ukoll fl-istess dokument li semmejt qabel.
Ir-riżorsi umani. Ħadd ma jista' jiċħad li bil-ħidma tal-gvern matul dawn l-aħħar snin, is-settur ta’ l-infermiera fil-qasam tas-saħħa għamel passi ta’ ġgant ’l quddiem, li serva biex intom tkunu iktar imħejjijin professjonalment f'xogħolkom. Pass ewlieni kien it-twaqqif tad-Direttorat għas-Servizzi Infermeristiċi li għandu fost l-għanijiet prinċipali tiegħu, aktar għarfien professjonali ta’ l-infermiera u l-qwiebel, kif ukoll titjib fil-livell u l-kwalità ta’ kura li tingħata lill-pazjenti.
Minn naħa tagħna, aħna dejjem impenjati biex insaħħu dan id-Direttorat sabiex ikun jista’ jilħaq l-għanijiet tiegħu. Deċiżjoni oħra li llum wieħed jinduna kemm kienet għaqlija hi dik li ħa l-gvern lejn l-aħħar ta’ s-snin tmenin, meta kien waqqaf l-Istitut għall-Kura tas-Saħħa. Kien pass li għen immensament biex illum għandna nfermiera iżjed kwalifikati u professjonali li ġabu qabża fil-kwalità fil-għoti tas-servizzi b’benifiċċju kbir għal pazjent. Bdejna bil-mod indaħħlu mentalità ġdida. Ridna li l-kwalità tibda tisboq il-kwantità mingħajr pero, ma noħolqu kriżi fin-numru ta’ infermiera. Tant irnexxielna nilħqu bilanċ li jekk wieħed iħares lejn iċ-ċifri tat-tmien snin bejn 1998 u 2006 wieħed malajr jinduna li kien hemm żieda ta’ 60% fin-numru ta’ infermiera jew biex ninftiehem aħjar, żieda impressjonanti ta’ 900 infermier.
Iżda minkejja dan kollu xorta għadna niffaċċjaw l-isfida għal iżjed riżorsi umani. Ftit taż-żmien ilu l-gvern ħabbar pjan radikali ta’ żvilupp fil-qasam tas-saħħa li ser ifisser nefqa kapitali konsiderevoli. Minħabba d-domanda ikbar li hi antiċipata għas-servizzi tar-rijabilitazzjoni u wara konsultazzjonijiet preliminari mal-Health planners, il-gvern ħa d-deċiżjoni politika li jibni Ċentru ta' Rijabilitazzjoni b’288 sodda f'Ħal-Luqa, biswit ir-Residenza ta’ San Vinċenz, kif ukoll it-trasferiment tas-Servizzi Onkoloġiċi fl-isptar Zammit Clapp, fejn se jkun hemm lok għal espansjoni ta’ dawn is-servizzi, biż-zieda fin-numru ta’ sodod. Ma’ dawn iż-żewġ proġetti wieħed ma jridx jinsa l-ftuħ ta’ l-isptar Mater Dei kif ukoll il-programm kontinwu ta’ moderniżżar f'San Vinċenz De Paul u l-bini ta’ Dar għall-Anzjani fil-Mellieħa.
M’hemm l-ebda dubju li dawn il-faċilitajiet ġodda jfissru żieda fid-domanda għal aktar professjonisti fosthom infermiera biex inkomplu bit-tradizzjoni ta’ servizzi ta’ kwalità. Meta jasal il-waqt, id-Diviżjoni tas-Saħħa tiddiskuti ma’ dawk involuti, l-aħjar mod kif jiġu offruti s-servizzi minn dawn il-faċilitajiet ġodda. Opportunitajiet oħra għall-infermiera nħolqu wkoll mill-politika ta’ liberalizzazzjoni tal-gvern fir-rigward ta’ l-isptarijiet private, li llum daħlu f’kompetizzjoni diretta mal-gvern stess fl-ingaġġ tar-riżorsi umani. Tajjeb insemmu wkoll, li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fetaħ orizzonti ġodda għall-infermiera Maltin.
Il-gvern, kif joħroġ mid-diskussjonijiet tal-ġimgħa l-oħra bejnu u l-Unions, għandu pjani ta’ reklutaġġ fuq skala iktar aggressiva mill-imgħoddi bil-ħsieb li jħajjar iżjed żgħażagħ jagħżlu karriera fil-professjoni infermeristika. Tajjeb li wieħed isemmi, hawnhekk, li fl-Università ta’ Malta f'dawn l-aħħar erba' snin biss, infetħu opportunitajiet ġodda ta’ gradi f'livell ta’ Baċellerat u Masters. Din is-sena biss, id-Diviżjoni tas-Saħħa qegħda tisponsorja 20 infermier f'livell ta’ Masters part-time u 2 full-time kif ukoll 30 fil-Baċellerat fis-Saħħa Mentali (Nursing) part-time. Hemm ukoll 17 isegwu kors f'Baċellerat fil-Kura Komunitarja (Nursing) part-time u 15 Baċellerat Ġenerali fin-Nursing part-time. Wieħed tajjeb ifakkar ukoll, li hemm 72 enrolled nurse li qegħdin isegwu l-kors ta’ Konverżjoni biex isiru staff nurses kif ukoll l-isponsorship taħt forma ta’ release minn fuq il-post tax-xogħol biex infermiera bid-Diploma in Nursing jkomplu għal BSc in Nursing. Dawn huma kollha opportunitajiet li l-infermiera għandhom jaħtfu mhux biss biex javanzaw professjonalment imma wkoll biex jilħqu l-milja tal-professjoni li jipprattikaw. Qed naħsbu wkoll fuq modi oħra jew inċentivi biex nerġgħu nħajjru lura għax-xogħol infermiera li telqu mis-servizz.
Qed insemmi dan kollu għax kultant jiġrielna li ninsew malajr dak kollu li jkun sar jew li qed isir fil-ħerqa ġenwina tagħna biex intejbu l-kundizzjonijiet ta’ xogħol f’dan is-settur. Tajjeb li wieħed isemmih ukoll għax għal kuntrarju ta’ nvestiment kapitali bħal per eżempju l-Mater Dei li jista' jaraħ u jmissu kulħadd, investiment fir-riżorsi umani jew fit-taħriġ kontinwu tagħhom, hemm it-tendenza li jiġi njorat jew ma jingħatax l-importanza li jistħoqqlu. Din is-sena il-gvern qiegħed jivvota madwar miljun u erba’ mitt elf lira fuq reklutaġġ u taħriġ ta’ ħaddiema fis-settur tas-Saħħa.
Is-servizzi. Issa li wasalna lejn it-tmiem ta’ l-ikbar proġett li gvern Malti qatt daħal għaliħ jiġifieri l-isptar Mater Dei, se jkun wasal iż-żmien li ndawwru l-attenzjoni tagħna lejn it-tisħiħ tas-servizzi li diġà għandna, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ oħrajn ġodda. Żgur li l-ewwel prijorità se tkun fuq l-iżvilupp u t-tiġdid tal-qasam tal-Kura Primarja u l-Kura fil-Komunità.
Diġà qegħdin fil-proċess li nwaqqfu working group li xogħolhu se jkun li jevalwa s-sitwazzjoni preżenti u joħroġ bi proposti kif dan is-settur għandu jiġi riformat fuq linji moderni bl-ikbar benefiċċju għal dawk li jużawħ. Bil-ħsieb li npoġġu fuq sisien sodi din ir-riforma, minn issa qed nagħtu opportunità tad-deheb lil dawk li qegħdin f'dan il-qasam sabiex jitħarrġu f'livell ta’ Baċellerat fil-Community Health Nursing. Il-mira hi li maż-żmien dawk kollha nteressati u li jħossuhom fid-dover li jipparteċipaw f’din il-bidla, jingħataw din l-opportunità. Ta’ min jgħid li bħalissa hemm żewġ infermiera jsegwu M.Sc. (Community Health Nursing) fl-Università ta' Salford. Dan kollu aħna nemmnu fih għax nixtiequ li l-infermiera jkollhom rwol prinċipali fil-bidliet meħtieġa.
Naturalment, b'titjib fis-servizzi aħna ma nfissrux biss riforma fil-Kura Primarja u dik fil-Komunità. Hemm lok għal titjib f'ħafna servizzi oħra, kemm f'servizzi li jingħataw fl-Isptar San Luqa li dalwaqt jiġu trasferiti lejn Mater Dei, kif ukoll f'dawk li jingħataw fis-settur ta’ l-Anzjani.
Ngħaddi issa għall-aħħar ħsieb li xtaqt naqsam magħkom li hu s-sehem li l-Union tista’ tagħti fl-isfond ta’ dan kollu li għadni kif semmejt u l-bidla li dan is-settur ser jgħaddi minnu. Hija ħaġa naturali li kull ħaddiem, minħabba l-biża li ma jkunx jaf x’ser jiġri, jirreżisti għal bidliet.
Hawnhekk l-Union tista’ tagħti kontribut siewi billi b’responsabbiltà tkun pro-attiva u xxejjen dawn il-biżgħat u tfiehem lill-ħaddiema l-ħtiġijiet tal-bidla. Trid tkun l-Union li tmexxi lill-membri tagħha u mhux bil-maqlub. Konvint li attitudni bħal din tgħin biex issaħħaħ il-koperazzjoni ta’ bejnietna.
Il-konvinzjoni tiegħi hi, li hekk kif għamilna s'issa, forsi anki aħjar, naħdmu lkoll flimkien, ma narax għaliex m'għandux ikollna servizzi tas-saħħa aħjar bi gwadann għall-poplu Malti kollu u għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.
Fl-aħħar, filwaqt li nirringrazzja lil dawk il-membri tal-Kunsill ta’ l-MUMN li ħadmu f’dawn l-aħħar sentejn inħares ‘l quddiem għal aktar koperazzjoni mal-membri u Kunsill Ġdid. Grazzi
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959