Ċelebrazzjonijiet b’sinifikat doppju
Fiċ-Ċentru tal-Għaqda Festi Esterni Santissima Trinità Marsa, qed tittella’ għall-ħames sena, Wirja tal-Passjoni bit-tema “It-Twaqqif ta’ l-Ewkaristija”.
Din il-wirja, li kull sena tingħata dehra ġdida, tibqa’ miftuħa sas-6 ta’ April. Il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu bejn is-6.00 p.m. sad-9.00 p.m. fost il-ġimgħa; mill-10.00 a.m. sa nofsinhar u mis-6.00 p.m. sat-8.30 p.m. f’Ħadd il-Palm; mis-6.00 p.m. sal-10.30 p.m. f’Ħamis ix-Xirka u mid-8.00 a.m. sa nofsinhar fil-Ġimgħa l-Kbira.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta inawgura din il-wirja, qal li kull sena ikun qed jistenna bil-ħerqa dawn l-avvenimenti għaliex fihom jammira t-talent, l-arti u d-dedikazzjoni ta’ tant nies, fosthom tant żgħażagħ, li bejniethom itellgħu wirja hekk impressjonanti u li tiġbed lejha numru kbir ta’ nies.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa kellhom sinifikat doppju: sinifikat reliġjuż u sinifikat tradizzjonali u kulturali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li filwaqt li s-sinifikat reliġjuż tal-Ġimgħa Mqaddsa jibqa’s-sinifikat l-aktar importanti għalina l-Insara, għaliex ifakkarna fil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu u fit-Twaqqif ta’ l-Ewkaristija, is-sinifikat kulturali u tradizjonali kien ukoll importanti. F’pajjiżna l-Ġimgħa Mqaddsa ġġib magħha purċissjonijiet b’vari mill-isbaħ u b’kostumi ta’ l-epoka, pageants, wirjiet ta’ kull tip u għamla. Hu qal li f’dawn l-aħħar snin dawn il-wirjiet żdiedu u qegħdin ikunu dejjem aktar professjonali u artistiċi.
Il-Ministru Zammut Dimech qal li ma setax ma jammirax il-ħidma kbira li jagħmlu ż-żgħażagħ li f’dawn il-jiem iħallu warajhom kull attivita’ oħra biex jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom għal wirjiet hekk sbieħ.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’pajjiżna qed jitkattar ukoll it-turiżmu reliġjuż. Hu qal li ma kellux dubbju li l-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa kienu jattiraw lejhom l-eluf ta’ turisti li jkunu f’pajjiżna għall-vaganzi tal-Għid.
Il-Ministru Zammit Dimech ħa l-okkażjoni biex feraħ lill-organizzaturi tal-wirja u biex xtaq lilhom u lill-Maltin u l-Għawdxin kollha l-Għid it-Tajjeb.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959