Left arrow Mur Lura

ESIBIZZJONIJIET DWAR IL-ĠIMGĦA MQADDSA FIR-RESIDENZA TA’ L-ANZJANI SAN VINCENZ DE PAUL

PR0460
Date Icon 29/03/2007

L-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’ flimkien ma’ l-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, inawguraw tmien esibizzjonijet fid-diversi swali tar-residenza San Vincenz De Paul.  

L-esibizzjonijet jikkonsistu f’Wirja ta’ L-Ort tal-Getsemani Life Size maħdum minn żewġ impjegati ta’ din ir-residenza, Ráphael Ronayne u Joe Ellul; Wirja ta’ Ċenaklu Life Size, xogħol l-istatwarju Michael Bonnici, vara xbieha ta’ Ġesù Redentur, diversi Mwejjed ta’ l-Appostli fuq stil Lhudi u sett vari zgħar tal-Via Sagra. Ma jonqsux ix-xogħlijiet artistici tal-melħ u smid, xogħlijiet sinonimi ma’ dan iz-zmien tas-sena, li ġew maħduma apposta mill-impjegati ta’ din ir-residenza. Din is-sena għal ewwel darba qed tittella’ wkoll wirja ta’ vari u aċċessorji kompluti ta’ purċisjoni tal-Ġimgħa l-Kbira maħduma kollha mis-Sur Rene Sacco, qarib ta’ wieħed mill-anzjani residenti f’San Vinċenz. 

Il-Ministru Louis Deguara qal li huwa xieraq li kemm-il darba r-residenti ma jkunux jistgħu jittieħdu biex igawdu l-festi tal-Ġimgħa l-Kbira, jittieħdu inizjattivi bħal dawn biex ir-residenti jgħixu wkoll l-ispirtu ta’ dawn il-festi.  Dan jgħinhom biex iħossuhom parteċipi fl-attivitajiet reliġjużi li jkunu organizzati fil-komunità.  Ma rridux ninsew ukoll li bosta anzjani huma mgħaġunin b’valuri nsara u allura japprezzaw ferm dawn it-tip ta’ attivitajiet. 

Il-Ministru faħħar l-impenn ta’ l-impjegati tar-Residenza ta’ San Vincenz talli volontarjament jieħdu inizjattivi simili, ħafna drabi b’sagrifiċċju personali biex jaraw l-anzjani kuntenti.  Minn dawn l-attivitajiet wieħed jifhem li f’din ir-Residenza ma hemmx il-pazjent fuq naħa u l-impjegati fuq in-naħa l-oħra, imma għandek familja waħda fejn kulħadd b’mod partikulari il-ħaddiema, jagħmlu dak kollu possibbli biex l-anzjani jkollhom ħajja mimlija b’esperjenzi li jgħinuhom jgħixu ħajjithom kemm hu possibbli b’mod sħiħ.

Minn naħa tagħha l-Onor. D’Amato ukoll faħħret l-impenn u l-inizjattiva tal-ħaddiema ta’ din ir-residenza li b’dedikazzjoni kbira jagħmlu ħilithom sabiex jipprovdu lill-anzjani ta’ din ir-residenza ambjent xieraq għal dan iz-zmien skond iż-żmien tas-sena. 

Hija qalet li għalkemm il-prijorita’ tal-ħidma tagħna hi li tingħata l-aqwa kura lill-anzjani tagħna, irridu wkoll nassiguraw li r-residenti jkomplu jgawdu l-ħajja  spiritwali u socjali anke f’dan iz-zmien tant emottiv, zmien ferm sinifikanti għal dawk kollha li jħaddnu t-twemmin Nisrani.  

Hija fakkret li huma diversi l-attivitajiet li ser jittellgħu f’din ir-residenza f’dawn il-Jiem. Fost dawn insibu l-eżerċizzi tar-Randan, l-purċissjoni tar-Redentur li saret nhar il-Ħadd, iċ-Ċerimonja tal-Ħasil tar-Riġlejn, li ser issir nhar Ħamis ix-Xirka, it-tqassim tal-figolli, u l-festa ta’ l-Irxoxt nhar l-Għid il-Kbir u l-festa ta’ San Girgor.

Hija ħeġġet lill-anzjani u l-familjari tagħhom kif ukoll lill-pubbliku in ġenerali biex jiġu jżuru dawn il-wirjiet, b’hekk ikunu apprezzati l-ħiliet artistiċi tal-ħaddiema li taw is-sehem sħieħ tagħhom biex jittellgħu dawn il-wirjiet.  

L-Onor. D’Amato irringrazjat lil kull min ta s-sehem tiegħu, inklużi l-anzjani u l-qraba tagħhom, li f’dawn il-ġranet ikunu qed jaqsmu l-abitazzjoni tagħhom ma tant nies li jiġu jżuru l-wirjiet. Hija ħeġġithom ukoll sabiex jipparteċipaw bis-sħieħ fl-attivitajiet kollha li se jkunu organizzati. .

Dawn il-wirjiet ser ikunu miftuħa għall-pubbliku minn għada sa nhar Ħadd il-Għid bejn id-9.30 a.m. u n-12.30 a.m., u mit-3.00 p.m. sad-9.00 p.m.   

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow