Left arrow Mur Lura

Ser jkunu organizzati flimkien il-Festivals tal-Logħob tan-Nar u ta’ l-Ikel

PR0458
Date Icon 29/03/2007

Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar din is-sena ser jinkludi wkoll Festival Internazzjonali ta’ l-Ikel. Għalhekk din is-sena ser ikun organizzat Festival Internazzjonali ta’ l-Ikel u l-Logħob tan-Nar bejn it-28 u t-30 ta’ April. 

Kif seħħ fl-aħħar snin minn mindu pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-Festival ser ikun parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru dan l-avveniment importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.  

Il-Festival ser jinfirex f’diversi partijiet tax-xatt tal-Belt. Minbarra l-logħob tan-nar ser ikun hemm kunċerti mtella’ minn fost l-aħjar talent Malti. Ser tittella’ wkoll il-kompetizzjoni “Għanja tal-Poplu” filwaqt li f’Ta’Liesse ser ikun hemm divertiment minn talent lokali. Il-Festival ta’ l-Ikel ukoll ser ikun mifrux fuq tlett ijiem fejn l-ispeċjalita’ ser tkun il-kċina lokali. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, li nieda dan il-festival, qal li għal din is-sena ġie deċiż li l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jiġi amalgamat mal-Festival ta’ l-Ikel f’festival wieħed kbir, li għandu jattira lejn xatt il-Belt eluf ta’ Maltin u turisti tul it-tlett ijiem ta’ ċelebrazzjoni. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li Malta qed tinbidel f’ċentru ta’ attivitajiet kulturali li qed jikkontribwixxu biex ngħollu l-prodott turistiku u biex pajjiżna joffri lit-turisti avvenimenti kulturali tul is-sena kollha. Il-Ministru Zammit Dimech qal li flimkien mal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta u aġenziji oħra fi ħdan il-Ministeru, il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jorganizza attivatijiet regolari li jinkludu:

o       Il-Festival Internazzjonali u Kompetizzjoni tal-Korijiet;

o       Il-Festival tal-Bliet Antiki ta’ Malta;

o       Notte Bianca;

o       Notte Magica;

o       Il-Birgu għad-Dawl tax-Xemgħa;

o       Power Boats Championships;

o       In Guardia/Allarme;

o       Festival ta’ l-Arti tas-Sajf.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li din is-sena qed nintroduċu wkoll in-Notte Gozitana li ser tittella’ f’Għawdex bejn id-19 u l-20 ta’ Mejju. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li minbarra dawn l-attivitajiet, is-settur privat qed jorganizza attivitajiet oħrajn, f’ħafna każi bl-appoġġ ta’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta. Hu qal li bħala riżultat ta’ dawn l-attivitajiet organizzati mis-settur privat fl-aħħar xhur, kellna l-possibilta’ li nsegwu f’pajjiżna artisti ta’ fama bħal Claudio Baglioni, Sting, Eros Ramazzotti, Andrea Bocelli, Roger Waters, Pink Floyd, Riccardo Muti. Hu qal li pajjiżna attira wkoll attivitajiet ta’ kalibru bħal TV Moda; ir-Rolex Middle Sea Race u s-Snooker Championship. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li pajjiżna kien magħruf għal-logħob tan-nar li jkun organizzat fil-festi tal-qaddisin titulari fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna. Hu qal li l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jiftaħ l-istaġun u jagħti ħjiel ta’ dak li jkun ser iseħħ fil-lokalitajiet kollha ta’ pajjiżna fi truf il-ġimgħat kollha tas-sajf. Il-Ministru Zammit Dimech qal li din is-sena l-attivita’ ser tikber permezz tal-festival ta’ l-ikel u l-kunċerti li ser jittellgħu fl-istess inħawi tal-belt Valletta. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura appella lill-Maltin u l-Għawdxin biex jiċċelebraw flimkien it-tielet anniversarju tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea flimkien mal-bidu ta’ l-istaġun tal-festi.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow