‘Notte’ f’Għawdex f’Mejju
Wara s-suċċessi miksuba minn Notte Bianca u Notte Magica li ġew organizzati fil-belt Valletta fix-xhur li għaddew, issa jmiss lil Għawdex li jospita l-verżjoni tiegħu ta’ dan l-avveniment li issa sar sinonimu ma’ attivita’ kulturali ta’ kwalita’. L-attivita’ f’Għawdex se tingħata bixra iktar lokali hekk kif tesponi l-karatteristiċi tipiċi tal-gżira.
Il-programm kollu konness ma’ din il-lejla f’Għawdex ser jinkludu attivitajiet qabel u wara l-lejla prinċipali, bi programm mifrux fuq tlett ijiem, li jibda mill-Ġimgħa 18 ta’ Mejju u jibqa’ sejjer sal-Ħadd 20 ta’ Mejju. L-attivitajiet prinċipali ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana jseħħu s-Sibt 19 ta’ Mejju, u jilħqu l-qofol tagħhom fil-lejl ta’ Lapsi fis-siegħat bikrin tal-Ħadd 20 ta’ Mejju. Din il-verżjoni amplifikata taċ-ċelebrazzjoni kulturali popolari hija fuq kollox intiża biex issaħħaħ il-potenzjal ta’ attrazzjoni turistika akbar lejn il-gżira t’Għawdex.
Il-programm jinkludi tiżwieqa bilanċjata ta’ forom u ġeneri artistiċi differenti li għandhom jolqtu l-gosti ta’ dawk li jħobbu attivitajiet kulturali u l-pubbliku b’mod ġenerali. Artisti popolari jitħalltu ma’ artisti oħra f’ċelebrazzjoni sħiħa mxerrda madwar siti assoċjati direttament ta’ esibizzjonijiet kulturali u żoni oħra. L-arti, il-mużika, iż-żfin u t-teatru jiffurmaw element importanti tal-programm kulturali li qed jiġi offrut flimkien ma’ l-istorja, it-tradizzjonijiet u l-wirt storiku li huma sinonimi ma’ l-identita’ karatteristika ta’ Għawdex. L-istabilimenti kummerċjali fir-Rabat flimkien ma’ dawk li li joffru ikel u xorb qed jiġu mħajra jibqgħu miftuħin biex joffru s-servizzi tagħhom u hekk jiġġeneraw attrazzjoni miżjuda.
Sitt palkijiet b’temi differenti ser jitwaqqfu f’sitt lokalitajiet prinċipali tar-Rabat, li huma Pjazza Indipendenza, Pjazza Sabina, Pjazza Santu Wistin, Pjazza San Franġisk, Pjazza San Ġorg u f’Salib it-Tiġrija fi Triq ir-Repubblika, bl-attivitajiet għaddejjin simultanjament li jibdew fi programm varjat li jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd filgħodu kmieni. It-toroq dojoq u mserrpin tal-qalba tar-Rabat se jaraw attivita’ kontinwa ta’ re-enactments u teatru tat-triq filwaqt li fil-knejjes u fil-kappelli taċ-ċentru tal-belt ser ikun hemm kunċerti u programmi ta’ mużika klassika. Inizjattivi ta’ natura privata qed jiġu nkoraġġiti filwaqt li qed tingħata attenzjoni partikolari għas-sehem ta’ artisti lokali.
L-attivitajiet tal-Ġimgħa u l-Ħadd filgħodu ser jiġu ffokati fiċ-Ċittadella filwaqt li dawk tas-Sibt ser jinżammu fit-toroq medjevali tal-qalba tal-belt u fil-pjazez imsemmija.
Waqt li kien qiegħed jindirizza l-konferenza ta’ l-aħbarijiet, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura, tkellem dwar is-sinifikat ta’ dan l-avveniment li qed jgħaqqad is-suċċessi ta’ Notte Bianca u NotteMagica. Dr Zammit Dimech qal li Lejlet Lapsi Notte Gozitana huwa festival ta’ kultura, tradizzjoni u divertiment li juri dak li għandu x’joffri Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta minn Malta. Huwa qal ukoll li l-kollaborazzjoni li teżisti bejn il-Ministeru tiegħu u l-Ministeru għal Għawdex tawgura tajjeb għas-suċċess ta’ dan l-avveniment u fuq kollox għas-suċċess fil-qasam turistiku Għawdxi.
Fl-istess okkażjoni, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, qalet li l-Gvern qed jagħmel investiment qawwi f’dan l-avveniment minħabba li jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni qawwija li attivita’ bħal din ser tiġġenera fl-industrija turistika ta’ Għawdex. Il-Ministru Debono qalet li l-għan ewlieni għaliex din l-attivita’ ġiet mifruxa fuq tlett ijiem huwa li jsaħħaħ il-potenzjal ta’ aktar turisti nterni u barranin li jqattgħu aktar iljieli ġewwa Għawdex. Stakeholders Għawdxin fosthom l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u l-kumpanija Gozo Channel qed jikkollaboraw f’din l-inizjattiva għax jagħrfu l-benefiċċji li din l-attivita’ toħloq fl-iżvilupp ekonomiku tal-gżira.
Id-direttur artistiku ta’ dan l-avveniment, Mary Ann Cauchi, qalet li l-attenzjoni prinċipali li qed tingħata fit-tfassil ta’ l-attivitajiet hija kkonċentrata fuq attivitajiet kulturali ta’ kwalita’ li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, permezz ta’ l-użu ta’ siti u żoni madwar ir-Rabat li huma popolari, imma wkoll oħrajn mhux direttament assoċjati ma’ esperjenzi kulturali. Filwaqt li fl-attivita’ Għawdxija ser jiġu inklużi elementi familjari man-Notte Bianca u Notte Magica, qed tingħata attenzjoni speċifika biex tinħoloq atmosfera partikulari li tikkumplimenta l-karatteristiċi distinti tal-gżira t’Għawdex filwaqt li tħeġġeġ lin-nies tal-lokal sabiex bil-parteċipazzjoni tagħhom jgħinu biex jispikka aktar il-karattru kulturali uniku ta’ Għawdex.
Is-Segretarju ta’ l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex Joe Muscat qal li: ‘l-inizjattiva konġunta tal-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura biex tiġi organizzata Lejlet Lapsi Notte Gozitana f’wieħed mix-xhur fejn it-turiżmu mhuwiex l-iktar popolari, huwa tentattiv ieħor fil-ħidma kontinwa biex tiġi msaħħa l-industrija turistika ta’ Għawdex partikolarment fejn jirrigwarda s-suq domestiku. Hija attrazzjoni oħra f’sensiela ta’ attivitajiet li ġew organizzati fil-ġranet ta’ tmiem il-ġimgħa f’Għawdex bil-għan li jiżdiedu l-attrazzjonijiet għat-turisti Maltin jew barranin li jqattgħu tmiem il-ġimgħa f’Għawdex. L-esperjenza ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana żgur ser tkun esperjenza unika li toħroġ il-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex li finalment huma l-attrazzjonijiet li jħajru u jiġbdu l-folol fis-suq domestiku li jinsab in-naħa l-oħra tal-fliegu.’
Tkellem ukoll is-Sur Robert Tabone, sindku tal-lokalita’ tar-Rabat. Huwa qal li ‘l-inizjattiva ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana tkompli tkabbar l-isem li tul is-snin irnexxilu jibni r-Rabat, bħala ċentru ta’ kultura, storja, arti u mużika. L-attivitajiet li se jiġu organizzati jikkumplimentaw l-istess karatteristiċi distinti tal-lokal, karatteristiċi li se joffru xenografija naturali f’ambjent uniku li jaf joffri r-Rabat. Għaldaqstant il-Kunsill bi pjaċir jilqa’ fi ħdanu lil dawk kollha li jogħġobhom jonorawna bil-preżenza tagħhom u jattendu għal din l-attivita’ li għandha l-ingredjenti kollha sabiex tkun waħda indimentikabbli.’
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, is-Sur Tonio Depasquale, qal li, ‘bħala sponsor ewlieni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana, il-Bank of Valletta qed jagħti xhieda tal-involviment aktar mill-qrib mal-komunita’ Għawdxija. Aħna nqisu rwieħna element importanti fis-soċjeta’ Għawdxija u għandna rwol importanti kemm fil-perspettiva ekonomika kif ukoll billi ngħinu lill-kommunita’ f’diversi proġetti li għandhom natura artistika, kulturali, soċjali u wirt storiku.’ Huwa żied jgħid li ‘Permezz ta’ l-għajnuna tagħna nittamaw li ngħinu biex nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni popolari li twassal għal ġenerazzjoni ta’ attivita’ ekonomika akbar fuq il-gżira. Nittamaw li dawn l-attivitajiet jgħinu biex jiġbdu influss qawwi ta’ turisti Maltin u barranin grazzi għall-programm innovattiv ta’ attivitajiet kulturali li qed jitfassal’.
Lejlet Lapsi Notte Gozitana ser tinżamm matul il-ġranet tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd 18-19-20 ta’ Mejju, fiċ-Ċittadella u madwar it-toroq tar-Rabat Għawdex. Hija attivita’ konġunta bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, sponsorjata mill-Good Causes Fund tal-Lotteriji Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, Bank of Valletta plc, u Gozo Channel Co Ltd, bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex.
Għal aktar informazzjoni, twaqqaf servizz speċjali fuq in-numru tat-telefon 21559832, indirizz email events@gozoculture.com filwaqt li sit elettroniku promozzjonali ser jiġi miftuħ fil-ġranet li ġejjin fuq www.gozoculture.com.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959