Left arrow Go Back

‘Notte’ f’Għawdex f’Mejju

PR0449
Date Icon 28/03/2007

Wara s-suċċessi miksuba minn Notte Bianca u Notte Magica li ġew organizzati fil-belt Valletta fix-xhur li għaddew, issa jmiss lil Għawdex li jospita l-verżjoni tiegħu ta’ dan l-avveniment li issa sar sinonimu ma’ attivita’ kulturali ta’ kwalita’. L-attivita’ f’Għawdex se tingħata bixra iktar lokali hekk kif tesponi l-karatteristiċi tipiċi tal-gżira.

Il-programm kollu konness ma’ din il-lejla f’Għawdex ser jinkludu attivitajiet qabel u wara l-lejla prinċipali, bi programm mifrux fuq tlett ijiem, li jibda mill-Ġimgħa 18 ta’ Mejju u jibqa’ sejjer sal-Ħadd 20 ta’ Mejju. L-attivitajiet prinċipali ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana jseħħu s-Sibt 19 ta’ Mejju, u jilħqu l-qofol tagħhom fil-lejl ta’ Lapsi fis-siegħat bikrin tal-Ħadd 20 ta’ Mejju. Din il-verżjoni amplifikata taċ-ċelebrazzjoni kulturali popolari hija fuq kollox intiża biex issaħħaħ il-potenzjal ta’ attrazzjoni turistika akbar lejn il-gżira t’Għawdex.

Il-programm jinkludi tiżwieqa bilanċjata ta’ forom u ġeneri artistiċi differenti li għandhom jolqtu l-gosti ta’ dawk li jħobbu attivitajiet kulturali u l-pubbliku b’mod ġenerali. Artisti popolari jitħalltu ma’ artisti oħra f’ċelebrazzjoni sħiħa mxerrda madwar siti assoċjati direttament ta’ esibizzjonijiet kulturali u żoni oħra. L-arti, il-mużika, iż-żfin u t-teatru jiffurmaw element importanti tal-programm kulturali li qed jiġi offrut flimkien ma’ l-istorja, it-tradizzjonijiet u l-wirt storiku li huma sinonimi ma’ l-identita’ karatteristika ta’ Għawdex. L-istabilimenti kummerċjali fir-Rabat flimkien ma’ dawk li li joffru ikel u xorb qed jiġu mħajra jibqgħu miftuħin biex joffru s-servizzi tagħhom u hekk jiġġeneraw attrazzjoni miżjuda.

Sitt palkijiet b’temi differenti ser jitwaqqfu f’sitt lokalitajiet prinċipali tar-Rabat, li huma Pjazza Indipendenza, Pjazza Sabina, Pjazza Santu Wistin, Pjazza San Franġisk, Pjazza San Ġorg u f’Salib it-Tiġrija fi Triq ir-Repubblika, bl-attivitajiet għaddejjin simultanjament li jibdew fi programm varjat li jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd filgħodu kmieni. It-toroq dojoq u mserrpin tal-qalba tar-Rabat se jaraw attivita’ kontinwa ta’ re-enactments u teatru tat-triq filwaqt li fil-knejjes u fil-kappelli taċ-ċentru tal-belt ser ikun hemm kunċerti u programmi ta’ mużika klassika. Inizjattivi ta’ natura privata qed jiġu nkoraġġiti filwaqt li qed tingħata attenzjoni partikolari għas-sehem ta’ artisti lokali.

L-attivitajiet tal-Ġimgħa u l-Ħadd filgħodu ser jiġu ffokati fiċ-Ċittadella filwaqt li dawk tas-Sibt ser jinżammu fit-toroq medjevali tal-qalba tal-belt u fil-pjazez imsemmija.

Waqt li kien qiegħed jindirizza l-konferenza ta’ l-aħbarijiet, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura, tkellem dwar is-sinifikat ta’ dan l-avveniment li qed jgħaqqad is-suċċessi ta’ Notte Bianca u NotteMagica. Dr Zammit Dimech qal li Lejlet Lapsi Notte Gozitana huwa festival ta’ kultura, tradizzjoni u divertiment li juri dak li għandu x’joffri Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta minn Malta. Huwa qal ukoll li l-kollaborazzjoni li teżisti bejn il-Ministeru tiegħu u l-Ministeru għal Għawdex tawgura tajjeb għas-suċċess ta’ dan l-avveniment u fuq kollox għas-suċċess fil-qasam turistiku Għawdxi.

Fl-istess okkażjoni, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, qalet li l-Gvern qed jagħmel investiment qawwi f’dan l-avveniment minħabba li jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni qawwija li attivita’ bħal din ser tiġġenera fl-industrija turistika ta’ Għawdex. Il-Ministru Debono qalet li l-għan ewlieni għaliex din l-attivita’ ġiet mifruxa fuq tlett ijiem huwa li jsaħħaħ il-potenzjal ta’ aktar turisti nterni u barranin li jqattgħu aktar iljieli ġewwa Għawdex. Stakeholders Għawdxin fosthom l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u l-kumpanija Gozo Channel qed jikkollaboraw f’din l-inizjattiva għax jagħrfu l-benefiċċji li din l-attivita’ toħloq fl-iżvilupp ekonomiku tal-gżira.

Id-direttur artistiku ta’ dan l-avveniment, Mary Ann Cauchi, qalet li l-attenzjoni prinċipali li qed tingħata fit-tfassil ta’ l-attivitajiet hija kkonċentrata fuq attivitajiet kulturali ta’ kwalita’ li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, permezz ta’ l-użu ta’ siti u żoni madwar ir-Rabat li huma popolari, imma wkoll oħrajn mhux direttament assoċjati ma’ esperjenzi kulturali. Filwaqt li fl-attivita’ Għawdxija ser jiġu inklużi elementi familjari man-Notte Bianca u Notte Magica, qed tingħata attenzjoni speċifika biex tinħoloq atmosfera partikulari li tikkumplimenta l-karatteristiċi distinti tal-gżira t’Għawdex filwaqt li tħeġġeġ lin-nies tal-lokal sabiex bil-parteċipazzjoni tagħhom jgħinu biex jispikka aktar il-karattru kulturali uniku ta’ Għawdex.

Is-Segretarju ta’ l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex Joe Muscat qal li: ‘l-inizjattiva konġunta tal-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura biex tiġi organizzata Lejlet Lapsi Notte Gozitana f’wieħed mix-xhur fejn it-turiżmu mhuwiex l-iktar popolari, huwa tentattiv ieħor fil-ħidma kontinwa biex tiġi msaħħa l-industrija turistika ta’ Għawdex partikolarment fejn jirrigwarda s-suq domestiku. Hija attrazzjoni oħra f’sensiela ta’ attivitajiet li ġew organizzati fil-ġranet ta’ tmiem il-ġimgħa f’Għawdex bil-għan li jiżdiedu l-attrazzjonijiet għat-turisti Maltin jew barranin li jqattgħu tmiem il-ġimgħa f’Għawdex. L-esperjenza ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana żgur ser tkun esperjenza unika li toħroġ il-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex li finalment huma l-attrazzjonijiet li jħajru u jiġbdu l-folol fis-suq domestiku li jinsab in-naħa l-oħra tal-fliegu.’

Tkellem ukoll is-Sur Robert Tabone, sindku tal-lokalita’ tar-Rabat. Huwa qal li ‘l-inizjattiva ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana tkompli tkabbar l-isem li tul is-snin irnexxilu jibni r-Rabat, bħala ċentru ta’ kultura, storja, arti u mużika.  L-attivitajiet li se jiġu organizzati jikkumplimentaw l-istess karatteristiċi distinti tal-lokal, karatteristiċi li se joffru xenografija naturali f’ambjent uniku li jaf joffri r-Rabat. Għaldaqstant il-Kunsill bi pjaċir jilqa’ fi ħdanu lil dawk kollha li jogħġobhom jonorawna bil-preżenza tagħhom u jattendu għal din l-attivita’ li għandha l-ingredjenti kollha sabiex tkun waħda indimentikabbli.’

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, is-Sur Tonio Depasquale, qal li, ‘bħala sponsor ewlieni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana, il-Bank of Valletta qed jagħti xhieda tal-involviment aktar mill-qrib mal-komunita’ Għawdxija. Aħna nqisu rwieħna element importanti fis-soċjeta’ Għawdxija u għandna rwol importanti kemm fil-perspettiva ekonomika kif ukoll billi ngħinu lill-kommunita’ f’diversi proġetti li għandhom natura artistika, kulturali, soċjali u wirt storiku.’ Huwa żied jgħid li ‘Permezz ta’ l-għajnuna tagħna nittamaw li ngħinu biex nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni popolari li twassal għal ġenerazzjoni ta’ attivita’ ekonomika akbar fuq il-gżira. Nittamaw li dawn l-attivitajiet jgħinu biex jiġbdu influss qawwi ta’ turisti Maltin u barranin grazzi għall-programm innovattiv ta’ attivitajiet  kulturali li qed jitfassal’.

Lejlet Lapsi Notte Gozitana ser tinżamm matul il-ġranet tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd 18-19-20 ta’ Mejju, fiċ-Ċittadella u madwar it-toroq tar-Rabat Għawdex. Hija attivita’ konġunta bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, sponsorjata mill-Good Causes Fund tal-Lotteriji Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, Bank of Valletta plc, u Gozo Channel Co Ltd, bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex.

Għal aktar informazzjoni, twaqqaf servizz speċjali fuq in-numru tat-telefon 21559832, indirizz email events@gozoculture.com filwaqt li sit elettroniku promozzjonali ser jiġi miftuħ fil-ġranet li ġejjin fuq  www.gozoculture.com.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow