Wara l-istedina ta’ Monsinjur Arċisqof … GĦAJNUNA LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ BIEX JIEĦDU SEHEM FIL-JUM DINJI TAŻ- ŻGĦAŻAGĦ FL-AWSTRALJA
Il-Gvern ser jgħin finanzjarjament numru ta’ żgħażagħ biex f’Lulju tas-sena d-dieħla (2008) jakkumpanjaw lill-E.T. Mons. Arċisqof Pawlu Cremona fiż-żjara tiegħu f’Melbourne u f’Sydney fl-Awstralja biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li ser ikunu preseduti mill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Louis Galea, qal li huwa segwa bil-ferħ l-istedina ta’ l-Arċisqof Pawlu Cremona biex żgħażagħ Maltin u Għawdxin jingħaqdu miegħu fl-Awstralja għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
F’dan l-istadju l-Ministru Galea, bi ftehim mal-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi, Lawrence Gonzi, qed jalloka s-somma ta’ Lm5,000 (€11,646) biex numru ndaqs ta’ ġuvintur u tfajliet, inkluż ġuvni u tfajla bi bżonnijiet speċjali, jingħataw għajnuna għall-ispejjez ta’ vjaġġar bl-ajru biex ikunu jistgħu jilqgħu l-istedina ta’ Monsinjur Arċisqof u, flimkien ma’ żgħażagħ mid-dinja kollha, jingħaqdu mal-Papa fiċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
It-Taqsima Żgħażagħ fi ħdan il-Ministeru ser tieħu ħsieb l-arranġamenti u l-proċedura meħtieġa biex tiġi amministrata din l-għajnuna liż-żgħażagħ.
F’din l-inizjattiva ser jieħdu sehem il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-Kummissjoni Djoċesana taż-Żgħażagħ, li bdew tħejjijiet ħalli sa fejn hu possibbli, ż-żgħażagħ ikunu akkomdati fl-Awstralja ma’ familji Maltin.
Aktar dettalji jitħabbru aktar tard mit-Taqsima Żgħażagħ tal-Ministeru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959