“Biex nirbħu fil-kompetittivita’ rridu nitgħaLlmu nkunu pro-attivi” – IS-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
“Kull persuna li taħseb li trid tidħol fin-negozju trid taħseb l-ewwel u qabel kollox kif tista’ tkun ta’ servizz. Persuna li tiftaħ negozju bl-unika għan li tagħmel il-flus, mhux ser tagħti servizz ta’ valur. Għalhekk hemm bżonn li nagħtu importanza lill-aspetti kollha tan-negozju.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo kien qiegħed jitkellem fil-ftuħ ta’ djalogu pubbliku dwar il-kompetittivita’. Dan id-djalogu sar fil-kampus ta’ l-Universita’ ta’ Malta u kien organizzat mis-Segretarjat Parlamentari flimkien mad-Dipartiment ta’ l-Ekonomija fi ħdan il-FEMA.
F’dan id-djalogu ppartecipaw ukoll il-Prof. Lino Briguglio mid-Dipartiment ta’ l-Ekonomija, Brian Camilleri mill-Bord tat-Tenants Association tal-Mosta Technopark, kif ukoll rappreżentanti minn numru ta’ entitajiet, fosthom is-Small Enterprise Directorate fi ħdan il-Malta Enterprise, id-Diviżjoni għall-Kummerċ, l-ETC, u l-BOV, flimkien ma’ rappreżentanti minn għaqdiet ta’ l-istudenti, bħalma huma Young Enterprise, AIESEC u SIFE.
It-tema tad-djalogu kienet il-kompetittivita’, u ġie diskuss kif l-istudenti għandhom jippreparaw lilhom infushom għad-dinja tax-xogħol, li ma tfissirx bil-fors li wieħed isib impjieg ma’ negozju, iżda tista’ tfisser ukoll li jkunu self-employed. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega li llum m’għadux daqshekk komuni li wieħed isib xogħol u ma jibdlux sakemm jirtira. L-Onor. Vassallo qal li “kull entita’ tgħaddi minn proċess ta’ bidla, u l-istess jiġri fid-dinja tax-xogħol. Negozju li jiftaħ illum mhux bilfors li ser jibqa’ l-istess negozju, u jbiegħ l-istess affarijiet, għal 40 sena.
“Kumpaniji ta’ suċċess kontinwament jagħmlu r-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom u hemm bżonn li aħna lkoll nagħmlu dan fix-xogħol tagħna llum. Hija realta’ li l-kompetizzjoni żdiedet, iżda ma rridux nibżgħu minnha. Hi l-kompetizzjoni li tgħolli l-livell ta’ kwalita’, kemm fin-negojzu, kif ukoll fl-universita’. Il-kompetizzjoni ma toħloqx l-inċertezza. Irridu nitgħallmu nkunu kreattivi biex nirbħu fil-kompetizzjoni.”
L-Onor. Vassallo għamel sejħa lill-istudenti u qal “tridu tippreparaw lilkom infuskom biex tirbħu fil-kompetizzjoni, u tridu taraw kif ser tiżviluppaw il-ħiliet tagħkom f’ekonomija bbażata fuq l-għerf (knowledge-based economy). Biex l-ekonomija ta’ Malta tikber, kull wieħed minna jrid iżid il-valur miżjud (value added) tiegħu. Il-kelma ‘profitt’ ma tistax tibqa’ titqies bħala kelma ħażina. Il-profitt huwa d-dritt ta’ kull min qiegħed fin-negozju. Iżda fl-istess ħin irridu naraw li l-profitt ikun ġust.”
Il-Prof. Briguglio qal li huwa importanti li jkollna ekonomija mibnija fuq l-għerf, u l-ekonomija ta’ Malta trid tibbaża fuq negozji mmexxija minn persuni li ħarġu mill-universita’, mhux għax gradwati biss jistgħu jirnexxu fid-dinja tan-negozju, iżda hija verita’ li persuni li ħarġu mill-universita’ għandhom aktar ċans ta’ suċċess.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kompla dwar il-kompetittivita’ u qal li “f’Malta għad għandna biża’ kbira mill-kompetittivita. Minn naħa, kulħadd irid suq miftuħ, iżda fl-istess ħin għad hawn mentalita’ ta’ protezjoniżmu. Il-kompetizzjoni hi garanzija ta’ suċċess. Il-kompetizzjoni ħolqot l-impjiegi. Dawk l-impjiegi li ntilfu minn dawk il-kumpaniji li ma kienux għadhom vijabbli ntrebħu minn negozji oħra li saru aktar vijabbli. Il-kompetizzjoni ma tagħlaqx l-opportunitajiet, anzi, tagħti ċertezza.
Waqt id-djalogu tkellmu numru ta’ studenti li kienu preżenti, u tkellmu wkoll ir-rappreżentanti ta’ l-għaqdiet ta’ l-istudenti. L-Onor. Vassallo faħħar il-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet u qal li “l-Gvern jemmen fl-importanza u l-ħiliet ta’ organizazzjonijiet bħalma huma s-SIFE u l-Young Enterprise u nħeġġiġkom biex tagħmlu r-riċerka tagħkom fuq il-ħtiġijiet ta’ l-istudenti llum. Laqgħa bħal tal-lum għalija wkoll hi riċerka, biex imbagħad noħloq inizjattivi li huma meħtieġa u innovattivi.”
Is-Segretarju Parlamentari esprima x-xewqa li fuq il-kampus ta’ l-universita’ jkun hemm ukoll uffiċċju għal dawk l-istudenti li, anke waqt li għadhom qegħdin jistudjaw, jixtiequ jiftħu n-negozju tagħhom. L-Onor. Vassallo qal li li tkun self-employed ma jfissirx biss li tiftaħ negozju, iżda anke li taħdem b’kuntratt jew bħala free-lancer.
“Irridu nippreparaw lilna nfusna għal mentalitajiet ġodda, u rridu noħolqu nies li jfittxu kif jistgħu jkunu aħjar mill-bieraħ” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959