Kultura ta’ ftehim bejn il-popli
AEGEE, Association des Etats Généraux des Etudiants de l’Europe, hi l-Forum ta’ l-Istudenti Ewropej. Din l-assoċjazzjoni ta’ l-istudenti, waħda mill-akbar fl-Ewropa, hi rappreżentata minn 17,000 student li huma attivi f’260 Belt Akkademika, f’40 pajjiż madwar l-Ewropa kollha.
L-AEGEE f’Malta twaqqfet fl-1997 u għalhekk din is-sena qed tiċċelebra 10 snin mit-twaqqif tagħha f’Malta. Minn dak iż-żmien ’l hawn l-AEGEE-Valletta tat kontribut qawwi lill-istudenti. L-‘Antenna’ ta’ l-AEGEE f’Malta ġiet rikonoxxuta fl-1998. Minn dik is-sena wkoll l-AEGEE f’Malta bdew jorganizzaw l-Università tas-Sajf li hi mfittxija b’domanda kbira, ivvutata dejjem bħala fost l-aqwa madwar l-Ewropa. Fl-2002 kien organizzat għall-ewwel darba l-Avveniment tax-Xitwa sabiex ġie ċċelebrat il-Ħames Anniversarju ta’ l-Antenna ta’ Malta. F’Marzu 2005 l-AEGEE-Valletta organizzat l-ewwel Laqgħa tal-Bordijiet Ewropej. Din is-sena ser tiġi organizzata f’Malta l-AGORA biex tikkoinċidi ma’ l-10 Anniversarju ta’ AEGEE-Valletta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta nieda l-proġett AGORA waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, qal li l-AEGEE ta’ Malta qed tagħti kontribut qawwi għall-ħajja ta’ l-istudenti f’pajjiżna u madwar l-Ewropa. Hu qal li din l-assoċjazzjoni, permezz ta’ l-attivitajiet li torganizza, qed jirnexxiela tressaq aktar lejn xulxin studenti Ewropej minn 40 pajjiż differenti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li meta l-istudenti jiltaqgħu bejniethom, jiddiskutu f’ambjent demokratiku, jikkoperaw flimkien billi jittolleraw aktar lil xulxin. Hu qal li m’hemmx dubbju li dan kollu jwassal biex jifhmu lil xulxin aħjar u hekk jikkontribwixxu lejn il-paċi fl-Ewropa u fid-dinja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din l-organizzazzjoni tikkontribwixxi wkoll lejn is-settur turistiku. Hu qal li l-bdil ta’ studenti kien minnu nnifsu qasam turistiku. Hu qal li fl-Universita’ ta’ Malta llum għandna madwar elf student barrani li wieħed jista’ jqishom bħala turisti permanenti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li niċċa mportanti fis-settur turistiku hi dik tat-tagħlim ta’ l-Ingliż. Hu qal li skond ċifri ippubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika fl-2004 ġew Malta 55,578 barranin biex jitgħallmu l-Ingliż. Hu qal li ċ-ċifra telgħet għal 61,607 fl-2005 u minn stimi ta’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta – minħabba li ċ-ċifri uffiċjali għadhom ma ħarġux – is-sena li għaddiet ġew Malta 67,000 persuna biex jitgħallmu l-Ingliż.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kultura tat-tagħlim kienet il-kultura tal-ftehim bejn il-popli. Għalina kienet ukoll mezz ta’ dħul għal pajjiżna. Hu qal li l-AEGEE-Valletta qed jagħtu sehemhom biex jikber il-ftehim bejn l-istudenti Ewropej u biex jiżdied in-numru ta’ barranin li jiġu Malta biex jitgħallmu. Hu qal li l-istudent kien ukoll ambaxxatur tajjeb ta’ pajjiżna u għalhekk kellna nagħmlu minn kollox biex meta jżurna nħajjruh idur is-siti storiċi ta’ pajjiżna biex isir jaf aktar dwar Malta u jgħaddi l-esperjenzi tiegħu lill-qraba tiegħu u lill-ħbiebu.
Il-Ministru għat-Turżimu u Kultura feraħ lill-AEGEE-Valletta talli bil-ħidma tagħhom irnexxilhom jattiraw l-proġett AGORA lejn Malta li mhux biss ser iġib lejn pajjiżna rappreżentanti ta’ studenti mill-Ewropa kollha iżda għandu jkun vetrina ta’ pajjiżna fost l-istudenti żgħażagħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959