Se jitfakkar Filantropu Grieg li għex u miet f’Malta
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Greċja huma tajbin ħafna u qed ikomplu jissaħħu f’dawn il-jiem meta qed jitfakkar Giovanni Pappaffi, filantropu Grieg li ġie Malta ta’ eta’ żgħira u għex u miet f’Malta fejn għamel ħafna ġid.
F’konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo u l-Ambaxxatriċi tal-Greċja għal Malta Dorothea Tsimboukeli-Douvos taw dettalji ta’ l-attivitajiet li se jsiru biex ifakkru lil dan il-filantropu.
Hu twieled f’Salonico fil-Greċja fl-1792 u ġie Malta bħala emigrant u żżewweġ lil Carmela Micallef u meta din mietet reġa’ żżewweġ mara Maltija oħra, Vincenza Aquilina.
Huwa stagħna bħala negozjant tal-qamħ u kemm dam f’Malta tgħallem tajjeb l-Ingliż.
Pappaffi ħoloq Fond għall-Emigrazjoni b’somma ta’ Lm1,000 (€2,329.37) li għal dak iż-żminijiet kienet somma sostanzjali. Dan għamlu biex jgħin lill-emigranti li altrimenti ma kellhom ebda tip ta’ għajnuna oħra u għalhekk hu meqjus bħala pijunier f’dan il-qasam.
Kemm dam f’Malta hu għen ukoll lil diversi żgħazagħ u tfal fil-bżonn filwaqt li fil-Greċja, bi flusu waqqaf orfanatrofju bl-isem ta’ “Meliteus” turija ċara tar-rabta tiegħu ma’ Malta. Minn dan l-orfanatrofju sal-lum għaddew aktar minn 60,000 persuna.
Numru minn dawn waslu Malta biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru f’Malta għada, biex ifakkru lil dan il-benefattur tal-Maltin.
Pappaffi miet ir-Rabat ta’ Malta fl-1886 u ndifen fiċ-Ċimetrju Ta’ Braxia f’Tal-Pieta’ filwaqt li hemm monument dedikat għalih fil-Ġonna tal-Mall fil-Floriana.
Il-Ministru Michael Frendo tkellem ukoll dwar ir-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn Malta u l-Greċja li bdew fl-1966, ftit wara l-Indipendenza ta’ Malta. Barra minn numru ta’ ftehim fosthom dak kulturali, iż-żewġ pajjiżi jikkollaboraw ħafna flimkien fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea u jaħdmu wkoll biex iżommu l-perspettiva tal-Mediterran fuq l-aġenda ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-Greċja għall-appoġġ lil tat is-sena li għaddiet u se tkompli tagħti din is-sena għall-ħidma mill-FRONTEX kontra l-immigrazzjoni illegali.
L-Ambaxxatriċi Griega qalet li 190 persuna ġew Malta mill-Greċja biex jieħdu sehem fil-kommemorazzjoni ta’ Pappaffy. (Programm mehmuż – pr0432.pdf).
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959