Stqarrija mill-Ministeru gĦall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent
B’referenza għal dak li qal il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-bieraħ, fejn ipprova jdaħħal id-dubju fuq il-klawsola tas-salvagwardja li l-Gvern innegozja għas-settur tal-Biedja f’pajjiżna, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jixtieq jiċċara dan li ġej:
Tajjeb li wieħed ifakkar li l-klawsola tas-salvagwardja ġiet innegozjata mill-Gvern Malti u wieħed jista’ jivverifika dan mat-Trattat ta’ Sħubija li ġie nnegozjat ma’ l-Unjoni Ewropea. Ikun tajjeb li jingħad, li meta l-Kummissarju ta’ l-Unjoni Ewropea, Franz Fishler, kien ġie Malta f’Ottubru ta’ 2003, qabel ma pajjiżna sar membru ta’ l-Unjoni Ewropea, kien qal li pajjiżna nnegozja klawsola ta’ salvagwardja ta’ ħames snin.
Tant il-Gvern innegozja l-klawsola tas-salvagwardja għas-settur agrikolu, li d-deputat Ewro Parlamentari Laburista Joseph Muscat fit-23 ta’ Mejju 2006 kien staqsa lill-Kummissarju ta’ l-Unjoni Ewropea attwali, Mariann Fisher Boel, “jekk hux il-każ li minħabba il-qagħda preżenti tal-biedja f’Malta, għandiex tiġi applikata l-klawsola tas-salvagwardja li ġiet innegozjata fit-trattat ta’ sħubija?”
Immedjata kienet it-tweġiba tal-Kummissarju Fisher Boel lil Joseph Muscat fejn qaltlu, “fiċ-ċirkostanzi preżenti il-Kummissjoni ma tarax li l-implimentazzjoni tas-salvagwardja tkun ġustifikata”.
Dan allura jxejjen id-dubju li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qed jipprova jdaħħal fost il-bdiewa Maltin u Għawdxin, għax minn dak li talab l-istess Joseph Muscat (MEP), jidher ċar li l-klawsola ta’ salvagwardja ġiet innegozjata u qegħda hemm.
Importanti li wiehed jiftakar li l-Gvern Malti nnegozja waħdu din il-klawsola ta’ salvagwardja għax l-Oppożizjoni Laburista dak iż-żmien għażlet li ma tipparteċipax fin-negozjati fl-interess tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin u Għawdxin. Kieku kulħadd kien madwar il-mejda tan-negozjati, kieku ħadd m’għandu dawn id-dubji għax kulħadd ikun infurmat.
Il-Gvern Malti ppubblika Avviż Legali 234/2004 li jittratta l-istess klawsola tas-salvagwardja. F’dan l-Avviż Legali nsibu li, “klawsola tas-salvagwardja tfisser li tikkontempla l-possibilta’ li jiġu applikati miżuri protettivi skond ma hemm provdut fl-artikolu 37 tat-trattat u fl-artikolu 7(A) 1(C) ta’ l-istess Anness tat-Trattat.
Aktar importanti milli nnegozja miżura temporanja bħal m’hi l-klawsola tas-salvagwardja, il-Gvern Malti ħadem biex iġib investiment finanzjarju ta’ €1.4 miljun mill-Ħames Protokoll Finanzjarju Taljan, biex saret grading station fil-pitkalija Ta’ Qali.
Il-Gvern ħadem bla waqfien u sab il-koperazzjoni sħiħa tal-bdiewa li permezz ta’ twaqqif ta' tlett għaqdiet tal-produtturi, li llum jistgħu jinnegozjaw aħjar il-prodotti tagħhom, biex jiksbu prezzijiet aħjar. Dawn ser jibdew jieħdu għajnuna mill-Unjoni Ewropea.
Dan il-fattur kompla għen biex il-bidwi jtejjeb il-pożizzjoni finanzjara tiegħu. Dan kollu wkoll għen biex kibret il-firxa tas-swieq lokali. Wieħed ma jistax ma jsemmix il-producers’ group li twaqqfet u li diġà qed taħdem u tħalli l-frott mixtieq.
Saret ħidma biex isir ir-ristrutturar meħtieg ħalli l-biedja f’pajjiżna tkun sostenibbli u kapaċi tikkompeti. Ma’ dawn irridu nsemmu l-għajnuna finanzjarja li ngħatat taħt il-fondi strutturali bla preċedent. L-għajnuna finanzjarja kollha għas-setturi agrikoli, tar-raħħala u l-produtturi matul is-sena 2006 kienet tammonta għal Lm9 miljun lira (€20.9 miljun).
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959