Left arrow Mur Lura

“Il-Gvern jara fil-koperattivi strutturi b’saħħithom sabiex in-Negozji jiġu aktar qrib ta’ xulxin.” – Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo

PR0428
Date Icon 25/03/2007

“Il-koperattivi huma mezz effikaċi sabiex negozji jiġu eqreb ta’ xulxin.  Il-ħsieb tal-konferenza tal-lum kien li jkollna okkażjoni biex niltaqgħu, naraw l-esperjenzi ta’ dawn l-aħħar 60 sena u nħarsu ‘l quddiem biex il-koperattivi jkunu suċċess ukoll għall-ġejjieni.”  Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo kien qiegħed jitkellem waqt konferenza nazzjonali dwar il-koperattivi, bit-tema:  “Koperattivi:  Mod Ieħor ta’ Kif Isir in-Negozju”.  Preżenti wkoll għal din il-konferenza kienu rappreżentanti minn għadd ta’ koperattivi, kif ukoll rappreżentanti minn organizazzjonijiet tan-negozju. 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu b’risq il-koperattivi u li għamluhom is-suċċess li huma.  Illum hemm 59 koperattiva li flimkien għandhom madwar 4,652 membru.  Il-maġġoranza ta’ dawn il-koperattivi huma mikro-intrapriżi li l-bejgħ tagħhom huwa ta’ ‘l fuq minn Lm25 miljun (€58.2 miljun). 

L-Onor. Vassallo qal li “mis-saħħa li tajtu lil xulxin, issaħħaħtu bħala membri.”  Il-kollaborazzjoni bejn in-negozji tista’ tissaħħah permezz tal-koperattivi.  Il-kollaborazzjoni tista’ tkun waħda logistika, finanzjarja, ta’ taħriġ ta’ impjegati, ta’ qsim ta’ ideat u riżorsi, ta’ marketing u servizzi aħjar.  Din il-kollaborazzjoni tiggarantixxi l-indipendenza ta’ kull negozju filwaqt li toffri qafas għal ftehim kummerċjali fuq bosta aspetti. Meta imqabbla ma’ kumpaniji, l-koperattivi joffru aktar flessibilta fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, anqas burokrazija regolatorja, anqas spejjez u eżenzjoni minn ħlas tat-taxxa fuq id-dħul.  Dan filwaqt li l-koperattivi xorta waħda jipprovdu l-protezzjoni xierqa li l-membri tal-koperattivi jitolbu. 

“Minn din l-enerġija li tagħmel lilkom dak li intom, il-Gvern kull sena ippubblika Pjan ta’ Ħidma, li kull sena jkun differenti skond il-ħtiġijiet tas-settur kummerċjali.  Din is-sena ħsibna biex nintensifikaw il-ħidma mal-Ministeru tax-Xogħol, Żgħażagħ u Impjiegi biex inkomplu nsaħħu l-koperattivi.  Il-ħidma li għaddejja bħalissa hija xhieda tas-sinerġija u l-impenn li hemm bejn diversi Ministeri u entitajiet” kompla s-Segretarju Parlamentari. 

L-Onor. Vassallo qal ukoll li “hemm bżonn li llum nirriflettu fuq is-sinjali taż-żminijiet f’dak li huwa s-suq.  Hemm bżonn li naħdmu f’kuntest ta’ strateġija.  L-objettivi tagħna huma bbażati fuq pajjiż miftuħ għan-negozju, biex b’hekk inkattru aktar negozju.  B’dan il-mod inkunu qegħdin niġġeneraw għażla akbar ta’ prodotti u prezzijiet.  Illum il-konsumatur jista’ jagħżel li jrid – mill-irħis għall-għoli, kif ukoll f’dawk li huma prodotti. 

“Iżda meta jgawdi l-konsumatur, jiżdiedu l-isfidi għan-negozji.  Din iż-żieda fil-kompetizzjoni ġejja minn żieda fin-numru ta’ operaturi fis-suq, li hija l-akbar sfida għan-negozju. 

“Ma nistgħux nitkellmu fuq l-isfidi għaż-żmien li ġej fil-koperattivi mingħajr ma nitkellmu fuq il-kompetizzjoni.  Ma nistgħux ngħidu lill-koperattivi li m’għandhomx kompetizzjoni.  Ir-realta’ hi kif ser narmaw lill-koperattivi u lil xulxin biex nirbħu fil-kompetizzjoni.  Il-koperattivi jridu jkunu suċċess fir-realta’ tal-market economy.  Irridu noħorġu b’suġġerimenti ta’ kif il-koperattivi jistgħu jisfidaw il-kompetizzjoni. 

“Jiena ċert li d-diskussjonijiet u d-dibattitu li se jitqanqlu matul dan is-seminar ser iservu biex jenfasizzaw għadd ta’ fatturi varjabbli li huma komponenti importanti fi kwalunkwe programm li jirnexxi u li jintegra l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. 

“Din il-konferenza m’hijiex il-bidu u l-egħluq tal-ħidma.  Din, fil-fatt hi t-tieni fażi ta’ ħidma.  Ftit tal-ġimgħat ilu stedinikom tagħmlu SWOT analysis tal-koperattivi.  L-organizazzjoni Apex ġabret ir-rapporti ta’ dak li għedtu fl-iSWOT analysis tagħkom.  Fuq dan ir-rapport issa rridu nibnu l-ħidma tagħna.  Dan ir-rapport ser jurina fejn irridu naslu fil-ħidma tagħna.” 

Ir-riformi li saru fil-Liġi tal-koperattivi fl-2001 kienu pass importanti għall-iżvilupp tal-koperattivi f’Malta. Illum għandna liġi li tippermetti li l-koperattivi jkunu suċċess u jkunu kapaċi jikkompetu ma’ forom oħra ta’ negozju billi jaħdmu b’mod aktar effiċjenti u huma dejjem aktar organizzati.  

Il-Liġi qiegħda hemm sabiex tiggarantixxi ambjent tajjeb u ta’ support għall-koperattivi.  Il-Gvern determinat li l-koperattivi jkunu suċċess u profitabbli għall-membri fi ħdanhom. 

Il-koperattivi jridu jitgħallmu jisfruttaw il-Liġi l-gdida skond l-Att ta’ l-2001.  Il-konferenza tal-lum għandha sservi wkoll bħala konsultazzjoni għal emendi li hemm bżonn li jsiru f’din il-liġi. 

Il-Liġi prinċipali li tirregola lill-koperattivi hija l-Att dwar is-Soċjetajiet Koperattivi ta’ l-2001.  Din il-liġi biddlet ħafna mill-legiżlazzjoni antikwata ta’ dak iż-żmien li kienet l-Att dwar is-Soċjetajiet Koperattivi ta’ l-1978. 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal ukoll li “illum ser niddiskutu l-kunċett tal-koperattivi biex inwassluhom li jirbħu fil-kompetizzjoni, u b’hekk isaħħu l-ħidma tagħhom.  Ejjew noħorġu l-isfidi tagħna fil-beraħ biex nibnu momentum u nbiddlu dak li hemm bżonn inbiddlu.” 

“Negozji jistgħu isaħħu l-pożizzjoni tagħhom billi jingħaqdu f’koperattivi.  Irridu nwasslu l-messaġġ lin-negozji li jekk jingħaqdu f’koperattivi ikunu qegħdin isaħħu l-posizzjoni tagħhom.  Din il-konferenza fil-fatt kellha żewġ objettivi:  li ssir konsultazzjoni mal-koperattivi biex intejjbu l-proċess tagħhom, u li nuru lil negozji li qegħdin iħossu l-piż tal-kompetizzjoni li l-koperattivi jistgħu jkunu mediċina għalihom. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow