Il-Ministru DOLORES Cristina tiftaħ ġnien f’Marsaxlokk
Nhar is-Sibt 24 ta’ Marzu, l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, inawgurat ġnien fil-lokalità ta’ Marsaxlokk li sar bi sħubija bejn il-Gvern Ċentrali u l-Kunsill Lokali tal-post. Il-ġnien ingħata l-isem ta’ “Ġnien il-Familja”.
Fid-diskors tagħha l-Ministru Cristina tkellmet dwar l-investiment li għamel u qed ikompli jagħmel il-Gvern sabiex il-poplu Malti u Għawdxi flimkien ma’ eluf ta’ viżitaturi li l-pajjiż tagħna jilqa’ matul is-sena, ikompli jgawdi mit-tisbiħ tal-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ dan il-proġett wieħed jista’ japprezza l-impenn sħiħ li ttieħed sabiex tinbena soċjetà li tħares l-ambjent li nsibu madwarna u li trawwem lil uliedna li l-preservazzjoni ta’ l-ambjent hija parti sostanzjali fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Dan it-twettiq tal-proġett li jinawgura Ġnien il-Familja f’Marsaxlokk, b’investiment ta’ Lm60,000 (€139,762) huwa sinjal ċar tal-ġid li jitfassal meta żewġ entitajiet importanti bħalma huma l-Gvern Ċentrali u l-Amministrazzjoni Lokali jingħaqdu flimkien għall-progress tal-komunità. Il-ftuħ ta’ ġonna ġodda madwar Malta u Għawdex huwa frott ta’ l-impenn li l-Gvern Malti jħaddan fil-viżjoni wiesa’, li kull individwu irrispettivament ta’ l-età, jgawdi mill-ħolqien ta’ spazji rikreattivi. Barra minn hekk dawn l-ispazji komuni jservu wkoll sabiex ġenerazzjonijiet differenti jkunu jistgħu jiltaqgħu u jirrikrejaw ruħhom.
Il-ġnien qed jingħata l-isem “Ġnien il-Familja” biex jissimboliżża l-post fundamentali li l-familja tħaddan f’pajjiżna. Il-familja hija l-pedament tas-soċjetà Maltija u għaldaqstant insibuha fil-qalba tal-pjanijiet kollha li jittieħdu u fl-azzjonijiet kollha li jitwettqu f’Malta u Għawdex. Huwa proprju għalhekk li jeżisti l-Ministeru għall-Familja sabiex jiġu mħarsa bl-iktar mod effettiv il-bżonnijiet tal-familji Maltin u Għawdxin kollha. Huwa minħabba dan il-fatt ukoll li l-Gvern Malti jagħraf l-importanza tal-Kunsilli Lokali, li permezz tad-devoluzzjoni mill-Gvern Ċentrali għal amministrazzjoni fuq bażi lokali, in-nies tal-komunità jkunu moqdija mill-aħjar mod possibbli.
Il-Ministru Cristina fakkret ukoll li x-xogħlijiet ta’ natura differenti li qed isiru fl-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin qegħdin iwasslu sabiex b’mod ħolistiku ntejbu l-kundizzjonijiet tal-familji kollha. Il-Ministru tenniet li l-lokalità ta’ Marsaxlokk li hija magħrufa bħala raħal tas-sajd u tas-sajjieda, mhux biss lokalment iżda anke barra minn xtutna, tiġbed numru ta’ turisti lejha. Dan il-villaġġ magħruf għaċ-ċokon tiegħu li sal-lum il ġurnata jilqa’ madwar 3,062 abitant, qiegħed illum jiftaħ iżjed l-orizzonti tiegħu u aktar nies qegħdin jinġibdu lejn il-ġmiel li joffri.
Il-Ministru Cristina temmet billi rringrazzjat lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar li tant ħadmu sabiex dan il-proġett jiġi fi tmiemu b’suċċess, filwaqt li awgurat li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-amministrazzjonijiet lokali tkompli bis-sħiħ lejn triq li twassal għal servizz dejjem aħjar b’riżq in-nies tal-lokalità.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959