Malta tieħu sehem f’wirja kulturali
Fuq invit tal-President tar-Repubblika Taljana, Giorgio Napolitano, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ta' Malta, Francis Zammit Dimech, dalgħodu attenda għall-inawgurazzjoni ta' wirja bl-isem 'Capolavori dell'arte europea' li qed tinżamm fil-Palazz Presidenzjali ta' l-Italja - il-Palazzo del Quirinale.
Din il-wirja qed issir bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta' Ruma.
Il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea kienu mitluba jibgħatu xogħol ta' l-arti jew tal-wirt kulturali biex ikunu rappreżentati f'din il-wirja. Fil-każ ta' Malta, permezz ta' Heritage Malta, intbagħtet il-'Fat Lady' u f'Ruma din kienet esibita taħt l-isem 'Madre Terra'. Din l-istatwetta taf l-oriġini tagħha f'Ħaġar Qim u għalhekk tappartjeni għat-Tielet Millenju Qabel Kristu.
L-esibit ta' Malta kien l-eqdem fil-wirja kulturali f'Ruma u għalhekk ingħata attenzjoni speċjali kemm mill-kritiċi ta' l-arti f'konferenza stampa li saret il-bieraħ kif ukoll fi programmi oħra li saru fuq dawn iċ-ċelebrazzjonijiet minn stazzjonijiet televiżivi Taljani.
Meta l-President Taljan beda jdur il-wirja, il-kummentarju li kien kien qed isir emfasizza li l-vjaġġ jitlaq minn Malta, għax l-esibiti jinsabu f'ordni kronoloġika. Malta hi wkoll l-ewwel pajjiż indikat fil-katalogu tal-wirja li kien stampat għall-okkazjoni. Fil-fatt, l-eqdem oġġett esibit wara dak ta' Malta huma madwar elfejn sena "iżgħar" għax huwa l-istatwa 'Kore' li saret madwar is-sena 530 QK u li hi esibita mill-Greċja.
Il-Ministru Zammit Dimech esprima is-sodisfazzjon tiegħu ghall-attenzjoni kbira li ngħatat Malta fl-okkażjoni ta' din il-wirja. Huwa osserva li bil-ħidma proattiva ta' l-aġenzija nazzjonali favur il-wirt kulturali fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, Heritage Malta, Malta qed tafferma l-kalibru għoli tal-wirt kulturali li nirrappreżentaw bħala pajjiż, u dan iservi wkoll biex nibnu n-niċċa tat-turiżmu kulturali li huwa ta' għajnuna kbira favur pajjiżna.
Preżenti ghall-inawgurazzjoni ta' dalgħodu kien hemm ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anton Tabone, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Malti, Jason Azzopardi, u l-Ambaxxatur Malti f'Ruma, Walter Balzan.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959