Il-Viċi Prim Ministru kompla ż-żjara tiegħu fl-Awstralja
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern, l-Onor. Tonio Borg kompla biż-żjara tiegħu fl-Awstralja billi żar il-komunitajiet Maltin f`Sydney u iltaqa` ma` awtoritajiet Awstraljani fl-Istat ta` New South Wales.
Il-Viċi Prim Ministru kellu laqgħa ta` kortesija mal-Gvernatur ta` l-Istat ta` New South Wales, l-E.T. Prof. Marie Bashir f’Government House, Sydney. Il-Gvernatur kellha kliem ta` tifħir għall-komunitajiet Maltin u esprimiet it-tama li fi żjara li ser tagħmel fl-Ewropa tinkludi lil Malta fl-itinerarju tagħha. Hija wkoll uriet lill-Viċi-Prim Ministru Borg kwadru li għandha fir-residenza uffiċjali tagħha ta` Sir Gerald Strickland li kien Gvernatur f`New South Wales l-1917.
Iktar tard il-Viċi Prim Ministru Borg iltaqa` ma’ l-Ispeaker tal-Assemblea Leġislattiva ta` New South Wales, John Aquilina. Minkejja li kien lejliet l-elezzjoni statali, l-Ispeaker Aqulina sab ħin biex jiltaqa` mad-delegazzjoni Maltija. Il-Viċi Prim Ministru rringrazzja lill-Ispeaker Aquilina għas-sehem li ta sabiex tiġi emendata liġi Awstraljana, ħalli jkun iktar faċli sabiex Maltin li kienu tilfu n-nazzjonalita` Awstraljana jkunu jistgħu jerġgħu jakkwistawha.
Wara dan il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg kellu laqgħa mal-Kunsill tal-Komunita` Maltija f’New South Wales fejn spjega l-emendi li l-Gvern ħabbar fit-13 ta` Frar, dwar ċittadinanza Maltija għat-tieni ġenerazzjoni ta` Maltin imwielda barra minn Malta. Dawn l-proposti ntlaqgħu b’entużjażmu mill-Kunsill li rringrazzja lill-Gvern għal dan il-pass għaqli. Wara l-Viċi Prim Ministru ltaqa` maż-żewg Kmamar tal-Kummerċ Maltin-Awstraljani fi New South Wales li saħqu fuq l-importanza ta` dawn ir-riformi sabiex tithares l-identita` u kultura Maltija fl-Awstralja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959