Left arrow Mur Lura

Esibizzjoni ta’ abbozzi artistiċi bit-tema “Madonna and Child” għall-isptar  Mater Dei

PR0410
Date Icon 22/03/2007

Fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ġiet inawgurata esibizzjoni ta’ abbozzi artistiċi bit-tema “Mother and Child” li minnhom se tingħażel waħda bħala t-tema uffiċjali ta’ l-isptar Mater Dei.  Din l-esibizzjoni tikkonsisti fi 18-il biċċa ta’ arti minn 13-il artist maħdumin b’diversi metodi. 

L-esibizzjoni ġiet inawgurata mill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità fil-preżenza ta’ l-E.T. Dr. Ugo Mifsud Bonnici, President Emeritus u Chairman tal-Mater Dei Healing Arts Committee.  Sptar bħal Mater Dei jitlob attenzjoni anki għad-dettal.  Hu proprju għalhekk li ġie mwaqqaf kumitat apposta biex jikkoordina l-aspett u l-użu ta’ l-arti f’Mater Dei.  Minn studji li saru jirriżulta li l-arti jista’ jkollha effett terapewtiku fuq il-pazjenti.  Ċertu tip ta’ arti tnaqqas l-istress u l-ansjetà u tikkontribwixxi fil-proċess tal-fejqan. 

Il-Ministru Deguara qal li jonqos issa ftit xhur biex skond il-ftehim li sar, SKANSKA tgħaddi l-isptar f’idejn il-gvern u hekk ikollna l-bidu ta’ era ġdida fl-għoti tas-servizzi tal-kura.  Bħalissa fl-isptar qed issir ħidma kbira biex dan iseħħ u hekk tkun tista’ tibda l-migrazzjoni tas-servizzi.  Partijiet mill-isptar bħall-Emerġenza u l-Kamra Mortwarja diġà għaddew f’idejn il-gvern u partijiet oħra qegħdin fl-istadju finali ta’ tlestija.  Beda wkoll ix-xogħol fuq landscaping madwar l-isptar.  Il-Ministru fakkar li Mater Dei hu sptar ‘state of the art’ mgħammar bl-aktar teknoloġija avvanzata li llum teżisti fil-kura tas-saħħa li minnu se jgawdi l-poplu kollu. 

Proprju l-ġimgħa d-dieħla se tibda l-aħħar fażi ta’ taħriġ għall-impjegati.  Dan wara li dawn l-impjegati kollha, fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew, kienu ttieħdu jaraw l-ambjent li se jkunu jaħdmu fiħ.  Issa f’din il-fażi li se ddum ġimgħatejn se jingħata taħriġ fuq l-apparat u sistemi ġodda lil madwar 300 ‘super-user’ li min-naħa tagħhom imbagħad jgħaddu l-esperjenzi u l-informazzjoni lil sħabhom.  Numru ta’ ‘super-users’ diġà qegħdin jingħataw taħriġ fir-Radjoloġija u s-CSSD.  “Din hija l-aħħar fażi fil-process Staff Information Programme.  Sadanittant madwar 100 biċċa apparat ġdid qegħdin jintużaw f’San Luqa biex isir taħriġ fuqhom waqt l-użu ta’ kuljum.  Ir-ritmu aktar ma joqrob Lulju se jiżdied; u nieħu gost niltaqa’ ma’ professjonisti li qegħdin jistennew bil-ħerqa l-mument li jibdew jaħdmu f’Mater Dei.” 

Il-Ministru kompla jgħid li bħalissa mijiet ta’ Maltin qegħdin iżuru Mater Dei u b’għajnejhom qegħdin jaraw il-livell għoli fl-apparat u faċilitajiet.  Qatt ma kienet l-intenzjoni tal-gvern li joqgħod lura milli jattrezza l-Isptar Mater Dei bl-aqwa apparat mediku u teknoloġija li se tpoġġi dan l-isptar fost l-aqwa li hawn.  Il-Ministru ħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħmel żjara fl-isptar u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow