Left arrow Mur Lura

Proposti TA’ L-OPPOŻIZZJONI  ‘nofs leħja’ dwar l-ambjent storiku

PR0407
Date Icon 21/03/2007

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jemmen li l-abbozz ta’ stqarrija ta’ viżjoni tal-partit Laburista dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent storiku mhi xejn  għajr taħlita ta’ proposti li l-Gvern preżenti wettaq jew qed iwettaq. 

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Att dwar il-Wirt Kulturali flimkien ma’ l-Att dwar il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, waqqfu s-sisien meħtieġa biex pajjiżna jħares il-wirt kulturali vast li għandna u biex ninkoraġixxu u nippromwovu l-kultura fl-isfond ta’ perspettiva wiesgħa ta’ attivita’ soċjo-ekonomika.  L-Att dwar il-Wirt Kulturali wassal biex twaqqfet Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Kumitat tal-Garanzija. 

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li d-dokument tal-Partit Laburista jitkellem dwar l-iżvilupp ta’ riċerka dwar l-oqsma kollha ta’ l-ambjent storiku. Dan l-aħħar ġiet inawgurata l-Cultural Heritage Inventory Management System (CHIMS) bl-iskop doppju li tkun ta’ inventarju u fl-istess waqt għodda għall-immaniġġjar tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Is-sistema hi ukoll maħsuba li tgħin fl-iggvernar tal-wirt kulturali f’Malta u biex tipprovdi lill-pubbliku aċċess għal informazzjoni li llum hu diffiċli li tinstab. 

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-proposta li jitwaqqaf “team apposta li jaħdem fil-qrib ma’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu u s-settur privat fuq materji fost l-oħrajn ta’ marketing ta’ siti storiċi” qed tkun implimentata permezz tas-segment turistiku, immexxi minn segment leader, dwar il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li fl-MTA diġa’ hemm rappreżentanza wiesgħa tas-settur privat li fi ħdan l-MTA jagħmlu l-proposti meħtieġa għal kull qasam li għandu x’jaqsam mat-turiżmu, inkluż il-marketing tas-siti storiċi. 

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-pjani li qed isemmi l-Partit Laburista “għar-riġenerazzjoni ta’ ċentri storiċi bil-priorità tkun il-Port il-Kbir u l-ibliet storiċi tal-madwar, u ċ-Ċittadella u r-Rabat f’Għawdex”, ilha sseħħ. Il-Ministeru fakkar li fuq in-naħa tal-Kottonera, fix-Xatt tal-Birgu ġew restawrati diversi palazzi u binjiet li llum qed jikkontribwixxu għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera. Fost dawn hemm il-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni li nbidel f’Casinò, l-Old Bakery li llum hi l-Mużew Marittimu, l-Imħażen li nbidlu fi stabbilimenti tal-catering u swali għall-wirjiet.  

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura żied li fuq in-naħa tal-belt Valletta l-Imħażen ta’ Pinto u Forni ġew restawrati u llum inbidlu fil-Cruise Liner Passenger Terminal, u l-Power Station il-qadima li ġiet restawrata u riabilitata bħala parti minn  dan il-kumpless. Il-proġett ta’ Manoel Island u Tigne’ jinkludi r-restawr u r-riabilitazzjoni tal-Forti Manoel u tal-Fortizza ta’ Tigne’. Il-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-belt Valletta ġie restawrat b’investiment ta’ Lm4.6 miljun biex illum inbidel f’Ċentru għall-Kreattività.  

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura nnota li dawn il-proġetti kienu fil-prattika dak li qed jissuġġerixxi bil-kliem il-Partit Laburista, meta jgħid li “għandhom ikunu identifikati opportunitajiet ta’ investiment li jattiraw lis-settur privat biex f’public/private partnerships,  japprofittaw mill-potenzjal ta’ l-ambjent storiku”. 

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern mhux biss jitkellem mal-Kunsilli Lokali iżda fl-isfond tal-qagħda finanzjarja jgħin mill-aħjar li jista’ fi proġetti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp kulturali u storiku fil-lokalitajiet. 

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li kemm ilha li twaqqfet Heritage Malta din  ingħatat ħafna aktar fondi milli kien hemm qabel għall-wirt storiku. Il-Ministeru jfakkar ukoll li, bl-appoġġ ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea qed jitwettqu proġetti għall-iżvilupp ta’ l-ambjent kulturali. Proġett sinifikanti hu dak li ser jitwettaq biex jitgħattew it-tempji ta’ l-Imnajdra u Ħaġar Qim, li huma wirt dinji u ċ-ċentru għall-viżitaturi li ser jinbena fl-istess post.

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li minn partit politiku li qed jipprova juri kemm hu lest biex  ikun fil-Gvern,  il-poplu jistenna proposti konkreti u li jkollhom viżjoni u mhux proposti vagi u  ‘nofs leħja’ jew li diġa’ twettqu bil-fatti mill-Gvern preżenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow