Id-Disa’ Sinfonija ta’ Beethoven għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma
Id-Disa’ Sinfonija ta’ Beethoven li tinkludi l-moviment “Ode to Joy” li hu wkoll l-innu ta’ l-Ewropa, se ssir fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi nhar it-Tlieta, 3 ta’ April, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet biex ifakkru l-50 Anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Michael Frendo f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li ta flimkien ma’ l-Ambaxxatur Ġermaniż f’Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, ic-Chairman ta’ l-Orkestra Nazzjonali u s-Surmast Michael Laus.
Il-Ministru Frendo qal li dan hu avveniment ferm importanti għall-istorja ta’ l-Ewropa li l-lum Malta tifforma parti minnha, mhux biss ġeografikament imma anke ekonomikament, soċjalment u politikament.
Għal din l-okkażjoni, l-Orkestra Nazzjonali taħt it-tmexxija tas-Surmast Michael Laus se tkun imsaħħa b’aktar elementi. Flimkien ma’ l-orkestra se jieħdu sehem ukoll is-Sopran Miriam Gauci u l-mezzo sopran Claire Massa, żewġ artisti Maltin li se jingħaqdu magħhom żewġ kantanti liriċi oħra li se jiġu mill-Ġermanja. Barra minn dan il-Collegium Musicum u l-Kor ta’ l-Universita’ ta’ Malta taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dion Buhagiar, ukoll se jagħtu s-sehem tagħhom.
Il-Ministru Frendo irringrazzja lill-Ambaxxata Ġermaniża u l-isponsors ta’ dan il-Kunċert għall-kooperazzjoni tagħhom biex Malta wkoll, bħall-pajjiżi l-oħra kollha ta’ l-Ewropa, tkun tista’ tfakkar dan l-avveniment b’mod xieraq.
Huwa fakkar ukoll fiċ-ċelebrazzjonijiet li se jibdew nhar is-Sibt fil-għaxija fil-belt Valletta u li jkomplu l-Ħadd fil-għodu. Dawn jinkludu kunċert f’Bieb il-Belt is-Sibt fil-għaxija, li qabel ikun hemm marċ mill-Banda King’s Own u l-Ħadd ikun hemm serviżż ekumeniku fil-Kon Kattidral ta’ San Ġwann u marċi mill-Banda La Vallette.
L-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta Karl Andreas von Stenglin esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li l-ambaxxata Ġermaniża f’Malta qed tikkollabora għal dan il-kunċert ta’ kompożitur Ġermaniż u l-parteċipazzjoni ta’ kantanti u mużiċisti Ġermaniżi u sostna li dan hu mod verament xieraq kif se jitfakkar il-50 anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma.
Min-naħa tiegħu s-Sur Tonio Depasquale, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Malta qal li l-Bank tiegħu jħossu onorat li se jkun l-isponsor ewlieni ta’ dan l-avveniment kulturali kbir li se jġib flimkien uħud fost l-aqwa talent mużikali Malti.
Hu qal li t-Trattat ta’ Ruma kien il-bidu għal proġett politiku u ekonomiku importanti ħafna li minnu bbenefikat Malta wkoll. Il-Bank of Valletta li għandu sehem importanti fl-ekonomija Maltija kien parti ntegrali mill-iżvilupp ekonomiku li rat Malta fl-aħħar 50 sena u għalhekk kien naturali li l-Bank jagħtu l-appoġġ tiegħu għal dan l-avveniment.
Hu qal li l-Bank of Valletta issa sar sinonimu ma’ avvenimenti kulturali kbar f’pajjiżna bħala kontribut lejn is-soċjeta’.
Is-Sur Lino Attard, Chairman ta’ l-Orkestra Nazzjonali qal li din hi t-tielet darba f’għaxar snin li l-Orkestra Nazzjonali kienet se ttella’ din is-sinfonija ta’ Beethoven u kien ta’ unur għaliha li tkun assoċjata ma’ dan l-avveniment li qed ifakkar anniversarju importanti fl-istorja ta’ l-Ewropa.
Min-naħa tiegħu s-Surmast Michael Laus tkellem dwar ix-xogħol ta’ Beethoven u dwar il-parteċipanti li se jieħdu sehem f’dan il-kunċert u awgura li l-pubbliku Malti jkun jista’ jgawdi dan ix-xogħol mill-isbaħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959