Il-Koperattivi bħala metodu ieħor ta’ kif isir in-negozju
Li numru ta’ self employed jew sidien ta’ negozji żgħar jorganizzaw koperattiva għandu jiġi kkunsidrat bħala mod ieħor ta’ kif isir in-negozju, fiċ-ċirkustanza fejn illum fis-suq sar hawn ħafna kompetizzjoni. Nhar is-Sibt, 24 ta’ Marzu 2007 bejn it-8.30 a.m. u t-3.30 p.m., il-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed ser ikun qiegħed jorganizza konferenza li ser tlaqqa’ rappreżentanti tal-koperattivi kollha. L-għan ta’ din il-konferenza hu biex dawn ir-rappreżentanti jħarsu lejn l-operat tagħhom u janalizzaw fejn jista’ jkun hemm titjib fil-ħidma tagħhom u biex is-suċċess tal-ħidma tagħhom ikun ta’ eżempju għal bosta self-employed u sidien ta’ negozji żgħar li jistgħu jkunu qed ifittxu mod ieħor ta’ kif jagħmlu l-kummerċ tagħhom biex jegħlbu l-kompetizzjoni tas-suq.
Mistiedna għal din il-konferenza huma rappreżentanti mill-koperattivi kollha, kif ukoll rappreżentanti minn entitajiet oħra, bħalma huma għaqdiet tan-negozju, u għaqdiet mhux governattivi oħra. Minbarra dawn, ġew mistiedna wkoll rappreżentanti minn entitajiet li joħorġu diversi liċenzi tan-negozju.
Ir-rappreżentanti tal-koperattivi li ser jattendu din il-konferenza ntalbu biex bħala koperattiva jiltaqgħu u flimkien jagħmlu ‘SWOT analysis’ tal-ħidmau l-operat tagħhom, liema analiżi ser tiġi diskussa waqt il-konferenza. Din il-konferenza ser isservi wkoll bħala proċess ta’ konsultazzjoni għat-tħejjija ta’ emendi għal-liġi tal-koperattivi.
F’Malta għandna 54 koperattiva, li għandhom 352 membru. Il-Gvern determinat li jara dan in-numru jkompli jikber. Il-koperattivi jistgħu jkunu l-għodda sabiex in-negozji tagħna jagħmlu l-qabża fil-kwalita’ sabiex jikkoperaw aktar flimkien għas-suċċess ta’ l-operat tagħhom. Fost il-koperattivi, wieħed isib koperattivi bħalma huma dawk tal-bdiewa, spiżjara, mastrudaxxi, burdnara, tal-kultura, tal-media, coaches u oħrajn. Għalhekk, koperattivi jistgħu jieħdu diversi forom sabiex jaqdu kull tip ta’ ħtieġa tan-negozji u ta’ kull attivita’ kummerċjali.
Matul il-konferenza ser isiru ħames workshops li jittrattaw suġġetti differenti. Dawn il-workshops ser ikunu:
1. Ambjent favur in-negozju: Inkomplu nnaqsu l-burokrazija fi ħdan l-istrutturi Nazzjonali
2. Taħriġ kontinwu: Koperattivi aktar professjonali
3. Ħolqien ta’ aktar impjiegi: Koperattivi ta’ suċċess
4. Fl-għaqda hemm is-saħħa: Insiru aktar kompetittivi fis-suq
5. Networking: Nisfruttaw is-swieq internazzjonali
Min huwa interessat li jattendi għal din il-konferenza jista’ jagħmel dan billi jikkuntattja s-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed fuq numru tat-telefon 2388 6165 jew bl-email fuq: simone.ellul@gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959