Jum l-iSport għall-Iskejjel b’differenza ... FESTIVAL TA’ L-ISPORT GĦALL-EWWEL DARBA FUQ BAŻI TA’ KULLEĠĠI
Għall-ewwel darba f’Jum l-iSport ta’ l-iskejjel primarji 15,000 student ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat ma sefgħux mifrudin bejn kompetituri u spettaturi iżda magħqudin f’parteċipanti entużjażmanti f’dixxiplini differenti ta’ l-isport fil-Kumplessi Sportivi tal-Marsa u tal-Kottonera. It-taqsima ta’ l-Edukazzjoni Fiżika fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ingħaqdet mal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) u numru ta’ Għaqdiet Sportivi u organizzat Festivals ta’ l-iSport fuq bażi ta’ Kulleġġi għall-istudenti kollha mill-1 sas-7 sena ta’ l-iskejjel primarji ta’ l-Istat. Coaches professjonali mill-federazzjonijiet, għaqdiet u klabbs sportivi ħadmu flimkien ma’ l-għalliema tal-PE fl-akbar varjetà ta’ dixxiplini sportivi li qatt ra xi Jum l-iSport ta’ l-Iskejjel s’issa. Il-Festivals din is-sena qed isiru f’Marzu u April.
Il-Ministru Louis Galea, responsabbli sew għall-edukazzjoni kif ukoll għall-isport, dalgħodu żar il-Festival li kien qed isir fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa fejn qrib elfejn student, bniet u subien, invadew kull rokna tal-faċilitajiet sportivi u għaddew tliet sigħat attività sportiva taħt id-direzzjoni ta’ għalliema u coaches. Louis Galea rringrazzja lill-għalliema ta’ l-iskejjel kif ukoll il-coaches u l-uffiċjali ta’ l-għaqdiet sportivi li ingħaqdu fl-inizjattiva tal-Festivals ta’ l-iSport għall-Kulleġġi.
Huwa fisser l-apprezzament tiegħu lid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, lill-KMS u lill-KOM li flimkien ħadmu ma’ l-iskejjel f’inizjattiva ġdida li qed ikollha suċċess u li twettaq il-politika tal-Gvern ta’ sport għal kulħadd. “M’hemmx dubju li l-istudenti apprezzaw bil-bosta aktar li lkoll kemm huma jieħdu sehem milli l-ftit jikkompetu u l-ħafna jħarsu. Din hi idea innovattiva li għandna nsaħħuha għaliex tagħmel ġid lis-saħħa u l-iżvilupp tat-tfal tagħna. Huwa xieraq ukoll li wieħed ifakkar il-kontribut ta’ l-isport biex insaħħu l-ħsieb wara l-motto li intgħażel għal Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ ‘Ilkoll Differenti, Ilkoll Indaqs’ ”
Il-Ministru Galea qal li jieħu gost jara li l-investiment kbir li qed jagħmel il-Gvern fil-faċilitajiet sportivi qed ikun apprezzat mill-isportivi u l-għaqdiet tagħhom u qed jirrendi wkoll għall-iskejjel tagħna. “Il-Gvern jemmen li l-ġenerazzjonijiet ta’ tfal u żgħażagħ li għandna llum huma nteressati ħafna f’attività fiżika u sportiva. Hu għalhekk li qed inwettqu pjan fuq firxa ta’ snin biex f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex ikollna spazji għal din l-attività. Fl-iskejjel tal-Gvern qegħdin nibnu u ntejjbu dawn il-faċilitajiet għall-istudenti u għall-komunità u l-għaqdiet sportivi. L-organizazzjoni ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat f’Kulleġġi ffaċilitat l-organizazzjoni tal-Festivals ta’ l-iSport filwaqt li l-isport għandu jsir karatteristika ewlenija tal-ħidma edukattiva tal-Kulleġġi.”
Il-Festivals ta’ l-iSport għall-istudent tas-snin 1 sa 4 saru fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u dawk għall-istudenti tas-snin 5 sa 7 saru fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Is-sessjonijiet kienu ta’ tliet sigħat il-waħda fejn l-istudenti ġew esposti għal regoli, ħiliet u esperjenzi u pparteċipaw f’dixxiplini sportivi differenti. Id-dixxiplini jinkludu atletika, baseball, basketball, cricket, dancesport, golf, gymnastics, judo, futbol, handball, hockey, karate, netball, powerlifting, rugby, squash, table futbol, tennis u volleyball.Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959