Il-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ ... IŻ-ŻGĦAŻAGĦ TEŻOR MILL-AQWA
“Iż-żgħażagħ huma teżor mill-aqwa li jista` jkollu pajjiżna. Iż-żgħażagħ huma l-grupp l-aktar frisk, dinamiku, krejattiv, ikkulurit, tolleranti, u pluralist li għandna fis-soċjetà Maltija. Jekk l-esperjenza tagħna l-kbar hi ta’ valur, iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’jgħallmu u x’jgħidu lilna l-kbar. Aħna fid-dmir li nisimgħu, nirriflettu, u naħdmu maż-żgħażagħ biex flimkien nirrestawraw iċ-ċivilità tagħna biex issir ambjent sabiħ u b’saħħtu għall-aqwa tgawdija tal-ħajja fi spirtu ta’ ugwaljanza u ġustizzja.” Dan kien il-qofol tal-messaġġ ta’ Louis Galea, il-Ministru responsabbli mill-politika għaż-żgħażagħ, fil-ftuħ f’Bay Street ta’ ġimgħa ta’ attivitajiet marbuta mal-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Il-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ hu inizjattiva tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ) li jiġbor fi ħdanu l-għaqdiet taż-żgħażagħ f’Malta u Għawdex. Il-motto magħżul għal din is-sena hu ‘Ilkoll Differenti, Ilkoll Indaqs’. Il-ħidma qed issir bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni għaż-Żgħażagħ (NYIC) u l-Kummissarju għat-Tfal.
L-attività tal-ftuħ f’Bay Street kienet tinkludi spettaklu miż-żgħażagħ ta’ kant, żfin u drama, diskussjonijiet, spazji ta’ kreattività u stands ta’ informazzjoni li kollha b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu mat-tema magħżula bl-iskop li tippromowovi id-diversità u l-opportunitajiet indaqs fost iż-żgħażagħ.
Louis Galea stieden liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex jagħtu s-sehem tagħhom sa minn issa fl-iżvilupp li qed iseħħ biex Malta ssir pajjiż mill-isbaħ u mill-aqwa f’seklu ġdid li ser jara l-milja ta’ rivoluzzjoni umana u teknoloġika li qed tbiddel id-destin tal-bniedem fid-dinja. Il-Ministru Galea fisser kif il-Gvern prezenti huwa qrib iż-żgħażagħ bil-fatti u mhux bil-kliem għaliex kuljum qed jinvesti u jgħin liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex jibnu l-futur tagħhom, isibu x-xogħol, u jiksbu kwalità ta’ ħajja f’dinja ġdida.
Il-Ministru Louis Galea qal li għall-Gvern iż-żgħażagħ kollha huma importanti, sew dawk li jafu l-iskola kif ukoll dawk li għal xi raġuni jew oħra ma kisbux edukazzjoni u kwalifiki biżżejjed. “Aħna naċċettaw u nifirħu bid-differenzi u d-diversità għax nafu li mhux kulħadd huwa l-istess. Nafu li mhux kulħadd kellu l-istess opportunitajiet mill-familja, minn natura jew mis-soċjetà. Hekk kien u hekk jibqa` għal dejjem. Iżda aħna rridu li, int min int, intix raġel jew mara, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tiegħek, ir-razza, ir-reliġjon, id-diżabilità, l-iżvilupp edukattiv tiegħek, ilkoll ngħinuhom biex igawdu l-ħajja indaqs. Ahna konvinti li kull ġuvni u kull tfajla, hu x’inhu l-iżvantagg tagħhom, jistgħu jgħelbu l-ostakoli u jkunu persuni sħaħ, krejattivi u produttivi.” Il-Ministru Galea fakkar li l-Gvern qed jinvesti miljuni ta’ liri biex il-Korporazzjoni tat-Taħriġ u x-Xogħol (ETC) twettaq programmi speċjali biex tgħin li kull grupp ta’ żgħażagħ, speċjalment dawk li għandhom xi bżonn ta’ appoġġ speċjali, biex jieħdu posthom fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Galea stieden liż-żgħażagħ biex jagħmlu suċċess miż-żgħożija tagħhom billi bl-edukazzjoni u t-taħriġ isiru ħaddiema u artisti tax-xogħol mill-aqwa. “Qatt ma kien hawn Gvern li investa fl-edukazzjoni u t-taħriġ daqs kemm qed isir bħalissa. Ir-riformi li qed indaħħlu fl-edukazzjoni sa mill-edukazzjoni bikrija, il-bini u l-immodernizzar ta’ skejjel, l-iżvilupp ta’ l-ITS, l-MCAST u l-Università huma kollha għodda f’idejn iż-żgħażagħ biex huma jibnu lilhom infushom u bil-bini tagħhom ikomplu jibnu lill-pajjiżna.”
Louis Galea fisser li diġà fl-Università hemm aktar tfajliet milli ġuvintur. “Din hija rivoluzzjoni li sa ftit snin ilu lanqas biss konna noħolmuha. Iżda dan mhux biżżejjed. It-tfajliet hemm bżonn jinvadu t-territorji li l-irġiel s’issa żammew għalihom – l-oqsma ta’ l-inġiniera, l-arkitettura, x-xjenzi, u t-teknoloġiji l-ġodda. B’mod partikolari hemm bżonn aktar tfajliet li jidħlu f’dawn l-oqsma fl-MCAST. Id-dinja tax-xogħol tal-lum u ta’ għada tinħtieġ tfajliet li jkollhom dawn il-ħiliet u kwalifiki.”
Louis Galea qal li “l-programmi Ewropej Leonardo da Vinci, YOUTH u Socrates ikomplu jgħinu f’dik li hi edukazzjoni formali u informali u t-taħriġ taż-żgħażagħ Maltin. L-ETC, bl-għajnuna finanzjarja ta’ l-Unjoni Ewropea, ukoll qed tkompli taħdem biex iż-żgħażagħ ikollhom aktar opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol.”
Il-Ministru Galea fisser li għalkemm meta nitkellmu fuq Smart City l-emfasi isir fuq it-teknoloġija tal-kompjuters u l-informatika, il-verità hi li dan il-proġett se jfisser dinja sħiħa ta’ xogħol ta’ kwalità u ta’ valur aktar għoli minn dak li kellna s’issa f’diversità ta’ oqsma ta’ xogħol. “Veru li ser ikollna bżonn ix-xjentisti, l-inġiniera u t-tekniċi tal-kompjuters, tal-informatika u tal-kommunikazzjoni. Iżda se jkollna bżonn ta’ ħafna ħaddiema fis-sales and marketing, nies tajbin fil-matematika, fl-istatistika u fir-riċerka, managers tar-riżorsi umani, nies kapaċi jaħdmu fis-servizzi finanzjarji u ta’ l-insurance, nies ta’ l-arti u l-kultura, nies tat-turiżmu, u ħaddiema li kapaċi jappoġġaw belt sħiħa fl-indafa, il-ġonna u ż-żamma ta’ ambjent mill-isbaħ u mill-aqwa. Mhux il-ħaddiema kollha ser ikollhom bżonn degree jew diploma. L-aqwa kwalifika li għandna bżonn hi ħaddiema bieżla, b’natural u manjieri sbieħ, nafu l-Malti u l-Ingliż, u nafu min aħna bħala Maltin u x’inhi l-istorja, l-identità u l-kultura ta’ Malta u nuru li aħna kburin u ngħożżuha. Jekk ikollna dawn ikollna l-aqwa ċertifikati għall-opportunitajiet kbar li ġejjin. Qatt ma kien hawn ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li kellhom l-opportunitajiet sbieħ li għandhom il-ġenerazzjoni tal-lum,” temm il-messaġġ Louis Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959