Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo jŻur il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Luqa
“Il-Gvern jimpurtah li jara li l-konsumaturi, l-ħaddiema u s-sidien tan-negozji jkollhom l-aħjar servizzi infrastrutturali fiż-żona industrijali ta’ Ħal-Luqa. F’din iż-żona industrijali wieħed isib 83 negozji li jħaddmu 269 persuna. Iż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa f’dawn l-aħħar xhur għaddiet taħt ir-responsabbilita’ tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, biex wara li tlesta ħafna xogħol ta’ kostruzzjoni, jkun jista’ jara li f’din iż-żona jinżamm l-aħjar ordni possibbli. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Gvern wettaq ħidma, permezz tas-Segretarjat, li tejbet id-dehra taż-żona u llum, kull min iżur din iż-żona industrijali, jista’ jara li l-konsumaturi li jiġu biex jinqdew min-negozji huma milqugħa aktar.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, meta kien qiegħed jagħti rendikont lis-sidien tan-negozju ta’ x’ħidma twettqet u x’fadal aktar xi jsir f’din iz-zona industrijali.
It-83 negozju li jinsabu f’din iz-zona industrijali ta’ Ħal Luqa huma maqsuma hekk:
§ 31 mastrudaxxa
§ 23 sprayers/tellara/mechanics
§ 29 oħrajn
Fost il-ħidma li saret:
• Inbeda programm intensiv ta’ tindif ta’ skart mormi llegalment li hemm mifrux maż-żona kollha.
• Twaħħlu tlett tabelli kbar li jagħtu identita’ liż-żona industrijali ta’ Ħal-Luqa.
• Bdew jitwaqqgħu binjiet li kienu fi stat perikoluż, sabiex issa fuq l-istess siti jkunu jistgħu jinħarġu l-permessi għal binjiet ġodda
• Bdew jitnaddfu b’gafef u nġenji oħra diversi postijiet madwar iż-żona industrijali sabiex jinħolqu spazji għall-parkeġġ ta’ karozzi
• Sar asphalt patching temporanju f’diversi toroq madwar iż-żona
• Fuq bażi regolari qed jinqata’ l-ħaxix ħażin minn madwar il-huts eżistenti
• Bdew jinżabru siġar li kienu qed jigguffaw iż-żejjed, u b’hekk kienu qed joħolqu nkonvenjent lill-istess sidien tan-negozji f’din iż-żona.
• Beda eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni mingħand is-sidien kollha li qed jaħdmu presentement miż-żona ta’ Ħal-Luqa sabiex intejbu l-komunikazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari u l-istess sidien.
• Beda proċess ta’ taħdidiet ma’ l-Enemalta u konsulenti privati, bl-iskop li nagħtu bidu ghal proġett ambizzjuż fejn għall-ewwel darba, ser jibdew jitwaħħlu l-arbli li magħhom ser tiġi stallata sistema ġdida ta’ dwal tat-toroq. Dan il-proġett ser jitwettaq f’fażijiet, bl-ewwel fażi ppjanata li tibda fi żmien xahrejn oħra.
Xogħol li għad baqa’ xi jsir u li mistenni jibda mill-aktar fis:
• Fil-jiem li ġejjin ser ikun qed isir xogħol sabiex jissewwew il-ħsarat li hemm fis-sistema tal-underground service culverts, li hemm f’diversi toroq taż-żona.
• Bil-għajnuna tal-Koperattiva tas-Sinjali u Tabelli, ser jibda proġett ta’ twaħħil ta’ tabelli u sinjali tat-traffiku, kif ukoll ser ikunu qegħdin jinżebgħu ma’ l-art sinjali oħra tat-traffiku, sabiex titjieb l-organizazzjoni taż-żona.
• Fil-jiem li ġejjin ser ikunu qed jitwaqqgħu binjiet oħra sabiex jagħtu aktar spazju għal binjiet ġodda.
• Ser jiġi ppubblikat direttorju bl-ismijiet tan-negozji kollha li hemm f’Ħal Farruġ.
• Hi l-intenzjoni tas-Segretarjat Parlamentari li fil-ġimgħat li ġejjin, b’konsultazzjoni sħiħa ma’ l-istess sidien ta’ negozji taż-żona, tinstab l-aħjar soluzzjoni sabiex kull triq taż-żona tingħata isem.
• Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu qegħdin jitwaħħlu numru ta’ tabelli mifruxa maż-żona kollha sabiex jappellaw għaż-żamma ta’ l-indafa.
Fit-tmiem iż-żjara tiegħu f’din iz-zona, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “x-xewqa tal-Gvern hi li qabel ma jibda l-proġett tal-bini ta’ sitt żoni industrijali ġodda, iż-żoni industrijali li fihom hemm numru ta’ sidien ta’ negozji żgħar ikunu kollha żoni industrijali li fihom hemm l-aħjar servizzi infrastrutturali.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959