Malta tingħata deroga permanenti biex setturi tal-baqar għal ħalib u għaċ-ċanga jkompli jopera mingħajr xkiel
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd l-Onor. Francis Agius illum ħabbar illi Malta ingħatat Deroga għar-raħħala produtturi tal-baqar tal-ħalib u għaċ-ċanga; “deroga li turi biċ-ċar li Malta fl-Ewropa għandha vuċi li tinstema’, u li bi djalogu kostruttiv, naslu biex infehmu l-interessi partikolari tagħna”.
Dr Agius spjega kif f’Jannar ta’ l-2006, fil-Kunsill Ewropew tal-Ministri ta’ l-Agrikultura u Sajd, Malta kienet talbet għarfien ta’ din il-problema u r-regolament 1782/2003 ġie emendat biex il-pajjiżi membri ġodda jkollhom dritt għal dawn l-entitlements (dritt tal-ħlas) fuq bażi speċjali meta r-raħħala ma jkollhomx art suffiċjenti.
Għalkemm b’hekk issewwiet parti mill-problema tagħna, xorta kien ifisser li r-raħħala Maltin kellhom problema meta jiġu biex jittrasferixxu parti mid-dritt tal-ħlas, liema trasferimenti huwa parti essenzjali mill-mod ta’ kif huma jmexxu n-negozju tagħhom.
Dr Agius qal li minn sena għall-oħra r-raħħala bejniethom jagħmlu dawn it-trasferimenti biex jirriflettu kif ikunu bi ħsiebhom imexxu l-produzzjoni tagħhom, barra milli din iżżomm is-settur b’ċerta livell ta’ attivita’ u kummerċ intern. Kien hemm ukoll l-obbligu li biex raħħal iżomm id-dritt li kellu għal ħlas ta’ l-entitlement, irid iżomm l-attivita’ ta’ produzzjoni sa’ mhux inqas minn 50% ta’ dik li kienet meta nħadmu l-entitlements.
Dan kien ifisser li għalkemm kienu ngħataw dawn id-drittijiet ta’ ħlas anki fejn ma kienx hemm l-art, ma kienx hemm il-flessibilita’ tan-negozju tagħhom, li hija kruċjali għal settur f’saħħtu u vijabbli. Dan għaliex fil-kumplament ta’ l-Ewropa raħħala mingħajr art huma l-eċċezzjoni, u r-regolament ma kienx maħsub għall-eċċezzjoni. F’Malta din is-sitwazzjoni hija r-regola u konna qed niffaċċjaw il-possibilita’ ta’ settur staġnat fejn ma seta’ jsir l-ebda kummerċ bejn ir-raħħala.
Dr Agius kompla jgħid li f’Mejju ta’ l-2006, inghataw struzzjonijiet biex uffiċjali Maltin jibdew serje ta’ laqgħat u diskussjonijiet mal-Kummissjoni bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għal din il-problema, abbażi tal-argument li n-nuqqas ta’ flessibilita’ f’dawn id-drittijiet għall-ħlas kienet qed issarraf fi problemi serji għas-settur tat-trobbija tal-annimali f’Malta.
Il-Ministeru ghall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kiteb lill-Kummissarju tal-Agrikultura Ewropea, Marianne Fischer Boel, fejn intalbet tintervjeni biex tgħinna f’din il-kwistjoni. Lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, hija infurmat lill-istess Ministeru fejn intqal li l-argumenti u ċ-ċirkostanzi Maltin kienu jagħmlu sens u kienu ġustifikati.
Il-Kummissarju tal-Agrikoltura qalet li jekk Malta tagħmel it-talba b’mod formali fil-Kunsill tal-Ministri, il-Kummissjoni ma toġġezzjonax. Dr Agius qal li ż-żjara li l-Kummissarju kienet għamlet f’Malta għenet ukoll biex hi setgħet tifhem aħjar il-kundizzjonijiet partikolari tagħna.
Ġie miżjud test fir-regolament fejn ingħata għarfien għaċ-ċirkostanzi speċifiċi u partikolari ta’ Malta, u li għalhekk Malta ingħatat deroga permanenti mir-restrizzjonijiet li kien hemm, fosthom anki mill-obbligu tal-50%. Dan kien ifisser li s-settur Malti tat-trobbija tal-baqar għal ħalib u għaċ-ċanga seta’ jkompli jopera mingħajr xkiel.
Dan it-test ġie diskuss u approvat b’mod preliminari fil-Kumitat Speċjali għall-Agrikultura f’Novembru li għadda u ġie addottat formalment fil-Kunsill tal-Ministri f’Diċembru 2006.
Is-Segretarju Parlamentari Agius spjega kif b’seħħ mill-1 ta Jannar 2007, Malta addottat is-sistema msejjħa Single Payment Scheme, jiġifieri fejn il-ħlasijiet lill-bdiewa u lir-raħħala jsiru abbażi ta’ entitlements (dritt tal-ħlas) maħduma fuq produzzjoni tal-passat, u li m’humiex marbuta iktar mal-livell ta’ produzzjoni.
Dan ifisser li sakemm il-bidwi jew ir-raħħal izomm l-istandards ambjentali, ta’ food safety u ta’ animal welfare, dawn ikunu ntitolati għal ħlas skond l-entitlement tagħhom. Fil-każ speċifiku tar-raħħala li jrabbu l-annimali bovini, dawn l-entitlements huma marbutin mal-kundizzjoni li għal kull bhima, r-raħħal irid ikollu ċertu ammont ta’ art.
Dan ifisser li għandu jkun hemm proporzjon bejn in-numru ta’ annimali li fuqhom qed jirċievi l-ħlas, u n-numru ta’ tmiem ta’ raba li huma marbutin magħhom. F’pajjiżna, 75% tal-produtturi tal-halib u 97% ta’ dawk li jrabbu għaċ-ċanga, m’għandomx l-area ta’ art neċessarja biex ikopru l-entitlement tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Francis Agius fakkar li l-iskema tas-Single Payment Scheme f’Malta bdiet titħaddem minn din is-sena u proprju mill-bieraħ, il-bdiewa u r-raħħala taghna jistgħu jmorru fiċ-ċentri apposta kif imħabbra, jiġifieri fl-Għammieri, fil-Pitkalija. fl-Uffiċċju tal-biedja ta’ Ħaż-Żabbar u f’Għawdex biex jagħmlu l-applikazzjonijiet għall-għajnuniet ta’ l-Unjoni Ewropea.
Din l-iskema (is-SPS) hija l-komponent ewlieni tar-riforma tal-Politika Komuni Agrikola ntenzjonata biex tnaqqas mill-produzzjoni żejda u timxi mill-kwantita’ ghal kwalita’, politika li Malta tappoġġja bis-shiħ, temm jgħid Dr Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959