Left arrow Go Back

Malta tingħata deroga permanenti biex setturi tal-baqar  għal ħalib u għaċ-ċanga jkompli jopera mingħajr xkiel

PR0383
Date Icon 16/03/2007

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd l-Onor. Francis Agius illum ħabbar illi Malta ingħatat Deroga għar-raħħala produtturi tal-baqar tal-ħalib u għaċ-ċanga; “deroga li turi biċ-ċar li Malta fl-Ewropa għandha vuċi li tinstema’, u li bi djalogu kostruttiv, naslu biex infehmu l-interessi partikolari tagħna”.  

Dr Agius spjega kif f’Jannar ta’ l-2006, fil-Kunsill Ewropew tal-Ministri ta’ l-Agrikultura u Sajd, Malta kienet talbet għarfien ta’ din il-problema u r-regolament 1782/2003 ġie emendat biex il-pajjiżi membri ġodda jkollhom dritt għal dawn l-entitlements (dritt tal-ħlas) fuq bażi speċjali meta r-raħħala ma jkollhomx art suffiċjenti. 

Għalkemm b’hekk issewwiet parti mill-problema tagħna, xorta kien ifisser li r-raħħala Maltin kellhom problema meta jiġu biex jittrasferixxu parti mid-dritt tal-ħlas, liema trasferimenti huwa parti essenzjali mill-mod ta’ kif huma jmexxu n-negozju tagħhom.  

Dr Agius qal li minn sena għall-oħra r-raħħala bejniethom jagħmlu dawn it-trasferimenti biex jirriflettu kif ikunu bi ħsiebhom imexxu l-produzzjoni tagħhom, barra milli din iżżomm is-settur b’ċerta livell ta’ attivita’ u kummerċ intern.  Kien hemm ukoll l-obbligu li biex raħħal iżomm id-dritt li kellu għal ħlas ta’ l-entitlement, irid iżomm l-attivita’ ta’ produzzjoni sa’ mhux inqas minn 50% ta’ dik li kienet meta nħadmu l-entitlements.  

Dan kien ifisser li għalkemm kienu ngħataw dawn id-drittijiet ta’ ħlas anki fejn ma kienx hemm l-art, ma kienx hemm il-flessibilita’ tan-negozju tagħhom, li hija kruċjali għal settur f’saħħtu u vijabbli. Dan għaliex fil-kumplament ta’ l-Ewropa raħħala mingħajr art huma l-eċċezzjoni, u r-regolament ma kienx maħsub għall-eċċezzjoni.  F’Malta din is-sitwazzjoni hija r-regola u konna qed niffaċċjaw il-possibilita’ ta’ settur staġnat fejn ma seta’ jsir l-ebda kummerċ bejn ir-raħħala.  

Dr Agius kompla jgħid  li  f’Mejju ta’ l-2006, inghataw struzzjonijiet biex uffiċjali Maltin jibdew serje ta’ laqgħat u diskussjonijiet mal-Kummissjoni bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għal din il-problema, abbażi tal-argument li n-nuqqas ta’ flessibilita’ f’dawn id-drittijiet għall-ħlas kienet qed issarraf fi problemi serji għas-settur tat-trobbija tal-annimali f’Malta.   

Il-Ministeru ghall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kiteb lill-Kummissarju tal-Agrikultura Ewropea, Marianne Fischer Boel, fejn intalbet tintervjeni biex tgħinna f’din il-kwistjoni. Lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, hija infurmat lill-istess Ministeru fejn intqal li l-argumenti u ċ-ċirkostanzi Maltin kienu jagħmlu sens u kienu ġustifikati.   

Il-Kummissarju tal-Agrikoltura qalet li jekk Malta tagħmel it-talba b’mod formali fil-Kunsill tal-Ministri, il-Kummissjoni ma toġġezzjonax.   Dr Agius qal li ż-żjara li l-Kummissarju kienet għamlet f’Malta għenet ukoll biex hi setgħet tifhem aħjar il-kundizzjonijiet partikolari tagħna.

Ġie miżjud test fir-regolament fejn ingħata għarfien għaċ-ċirkostanzi speċifiċi u partikolari ta’ Malta, u li għalhekk Malta ingħatat deroga permanenti mir-restrizzjonijiet li kien hemm, fosthom anki mill-obbligu tal-50%. Dan kien ifisser li s-settur Malti tat-trobbija tal-baqar għal ħalib u għaċ-ċanga seta’ jkompli jopera mingħajr xkiel.  

Dan it-test ġie diskuss u approvat b’mod preliminari fil-Kumitat Speċjali għall-Agrikultura f’Novembru li għadda u ġie addottat formalment fil-Kunsill tal-Ministri f’Diċembru 2006. 

Is-Segretarju Parlamentari Agius spjega kif b’seħħ mill-1 ta Jannar 2007, Malta addottat is-sistema msejjħa Single Payment Scheme, jiġifieri fejn il-ħlasijiet lill-bdiewa u lir-raħħala jsiru abbażi ta’ entitlements (dritt tal-ħlas) maħduma fuq produzzjoni tal-passat, u li m’humiex marbuta iktar mal-livell ta’ produzzjoni.  

Dan ifisser li sakemm il-bidwi jew ir-raħħal izomm l-istandards ambjentali, ta’ food safety u ta’ animal welfare, dawn ikunu ntitolati għal ħlas skond l-entitlement tagħhom. Fil-każ speċifiku tar-raħħala li jrabbu l-annimali bovini, dawn l-entitlements huma marbutin mal-kundizzjoni li għal kull bhima, r-raħħal irid ikollu ċertu ammont ta’ art.  

Dan ifisser li għandu jkun hemm proporzjon bejn in-numru ta’ annimali li fuqhom qed jirċievi l-ħlas, u n-numru ta’ tmiem ta’ raba li huma marbutin magħhom.  F’pajjiżna, 75% tal-produtturi tal-halib u 97% ta’ dawk li jrabbu għaċ-ċanga, m’għandomx l-area ta’ art neċessarja biex ikopru l-entitlement tagħhom.  

Is-Segretarju Parlamentari Francis Agius fakkar li l-iskema tas-Single Payment Scheme f’Malta bdiet titħaddem minn din is-sena u proprju mill-bieraħ, il-bdiewa u r-raħħala taghna jistgħu jmorru fiċ-ċentri apposta kif imħabbra, jiġifieri fl-Għammieri, fil-Pitkalija. fl-Uffiċċju tal-biedja ta’ Ħaż-Żabbar u f’Għawdex biex jagħmlu l-applikazzjonijiet għall-għajnuniet ta’ l-Unjoni Ewropea.  

Din l-iskema (is-SPS) hija l-komponent ewlieni tar-riforma tal-Politika Komuni Agrikola ntenzjonata biex tnaqqas mill-produzzjoni żejda u timxi mill-kwantita’ ghal kwalita’, politika li Malta tappoġġja bis-shiħ, temm jgħid Dr Agius.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow