Left arrow Mur Lura

ECVET - European Credit Transfer System for Vocational Education and Training

PR0379
Date Icon 16/03/2007

“Irridu sistema li tkejjel it-tagħlim u l-kapaċitajiet f’Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki. Irridu sistema li toħloq sinerġija fl-edukazzjoni Ogħla bejn l-edukazzjoni akkademika u dik vokazzjonali. Irridu li l-istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna jipparteċipaw f’din l-innovazzjoni biex inkomplu nkattru l-mobilità u l-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ għal kulħadd.”  Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea meta dalgħodu fetaħ il-Konferenza Nazzjonali ta’ Konsultazzjoni dwar l-ECVET (European Credit Transfer System for Vocational Education and Training), sistema li biha jkun jista’ jsir trasferiment, tifdil u rikonoxximent tat-tagħlim li jsir fil-qasam vokazzjonali.  F’din il-konferenza qed jieħdu sehem l-imsieħba f’dan is-settur inkluż l-istituzzjonijiet edukattivi, organizzazzjonijiet ta’ l-istudenti, unions u min iħaddem.  Dan huwa process Ewropew li beda f’Kopenhagen (2002) u tkompla f’Maastricht (2004) fejn għall-ewwel darba ġiet proposta s-sistema ta’ ECVET.   

Fl-Ewropa numru kbir ta’ persuni jsegwu korsijiet u opportunitajiet ta’ taħriġ barra minn pajjiżhom.  Għalkemm hemm ħafna li jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza u l-pajjiżi Ewropej iħeġġu dan it-tip ta’ mobilità, hemm numru ta’ ostakoli u limitazzjonijiet kemm biex dak li wieħed ikun tgħallem ikun rikonoxxut f’pajjiżi oħra, kif ukoll meta wieħed jiġi biex ikompli minn livell għall-ieħor fl-edukazzjoni vokazzjonali jew saħansitra minn sitwazzjoni ta’ tagħlim informali għal dik formali. 

Is-sistema għaldaqstant trid tgħin biex wieħed ikun jista jimxi minn livell għall-ieħor jew minn sitwazzjoni għall-oħra biex ikompli jtejjeb il-kapaċitajiet u l-ħiliet tiegħu.  F’dan is-sens l-ECVET trid tkun għodda li biha jkun hemm skambju ta’ informazzjoni li jwassal biex l-edukazzjoni u t-taħriġ kemm formali kif ukoll informali ikun jista’ jsir madwar l-Ewropa mingħajr xkiel u mingħajr diffikultajiet.  Waħda mill-isfidi ewlenin hi l-firxa wiesgħa u d-differenzi kbar fil-qasam vokazzjonali fil-pajjiżi Ewropej. 

Is-sistema ECVET qed tiġi żviluppata b’mod li t-taħriġ u l-kwalifiki miksuba ikunu jistgħu jiġu kkwantifikati f’units ta’ tagħlim li għalihom jingħataw punti skond il-livell.  Wieħed imbagħad ikun jista’ juża dawn il-punti f’pajjiżi oħra ta’ l-Ewropa biex ikompli jitħarreġ jew inkella biex jagħmel xi tip ta’ esperjenza fuq il-post tax-xogħol.  

Bħalissa fuq livell Ewropew qed issir konsultazzjoni bl-iskop li minn din il-konsultazzjoni, is-sistema tkun tista’ tiżviluppa aktar u jkun hemm ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa.  Wara dan iż-żmien ta’ konsultazzjoni ser issir konferenza f’Ġunju 2007 taħt il-presidenza Ġermaniża u jiftaħ il-proċess ta’ l-approvazzjoni fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi kif dan il-proġett se jimxi l-quddiem. Sadattant se jsiru numru ta’ studji u proġetti pilota taħt il-programm Leonardo da Vinci biex jikkumplimentaw dawn il-proċessi.  

Fid-diskors tiegħu il-Ministru Galea qal li biex wieħed iqabbel is-sistemi u t-tagħlim differenti fil-pajjiżi ewropej trid tkejjel, u biex tkejjel irid jkollok kejl tajjeb. “Dan huwa il-prinċipju bażi tal-proposta ta’ l-ECVET. Din il-konsultazzjoni ta’ llum hija immirata biex Malta tagħti l-veduti tagħha dwar sistema ta’ akkreditazzjoni fis-sistema vokazzjonali biex wara, l-enti responsabbli mill-kwalifiki vokazzjonali tiddefinixxi x’sistema għandha taddotta f’dan il-qasam.”  Hu qal ukoll li din is-sistema trid tiġi marbuta ħaġa waħda mal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki.  

Meta kompla jitkellem dwar is-sistema, Dr. Galea qal li kull livell ta’ kwalifika irid jkollu numru ta’ credits marbutin miegħu kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll dik informali u mhux formali.   Hu qal li kull kwalifika jrid ikollha numru ta’ credits assenjati ma’ riżultati speċifiċi ta’ tagħlim li jkunu jistgħu jiġu mkejla u li rridu ukoll naslu biex noħolqu sistema ta’ credits marbutin mar-rikkonoxximent ta’ tagħlim li jkun sar fuq postijiet tax-xoghol jew permezz ta’ xi sengħa – (Recognition of Prior Learning ), xogħol li jrid isir mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.  “Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nara li diġa hemm abbozz ta’ proposta dwar sistema ta’ credits fis-sistema vokazzjoni mfassal mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki għall-konsultazzjoni. Dan se jiġi ppubblikat f’wieħed minn tlett dokumenti li l-Kunsill lesta u li għandhom jiġu ppreżentati fil-ġimgħat li ġejjin,” sostna Louis Galea. 

Louis Galea qal li idealment Credit System għas-settur ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tkun tixbaħ li dik li hemm fis-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla. Dan għaliex fil-ħames livell tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki hemm kwalifiki li jwasslu għas-sitt livell kemm fl-edukazzjoni ogħla akkademika kif ukoll vokazzjonali.  Il-Ministru qal li din il-credit system trid toħloq pont u sinergija bejn edukazzjoni magħrufa bħala akkademika u l-edukazzjoni vokazzjonali.  

Louis Galea qal li għalkemm l-Unjoni Ewropeja qed tippreżenta din is-sistema bħala waħda li l-pajjiżi u l-istituzzjonijiet jistgħu jidħlu fiha b’mod volontarju, il-maġġoranza ta’ l-istituzzjonijiet se jidħlu fiha hekk kif seħħ meta daħlet is-sistema ta’ ECTS (European Credit Transfer System), fejn illum l-parti l-kbira ta’ l-Universitajiet madwar l-Unjoni jużaw din is-sistema li ffaċilitat l-mobilita’ ta’ l-istudenti bejn Universita’ u oħra. 

Louis Galea qal li lkoll irridu parita’ ta’ stima bejn is-sistema vokazzjonali u dik ta’ edukazzjoni ogħla, ilkoll irridu li jsiru aktar skambji u mobilita’ bejn studenti Ewropej, ilkoll irridu aktar programmi edukattivi li jwasslu għal tagħlim reċiproku, u jistgħu jittieħdu f’pajjiż jew ieħor fl-Unjoni Ewropea.  Fuq kollox ilkoll irridu li tistudja fejn tistudja fl-Ewropa tkun tista’ taħdem fejn trid u bl-istess kompetenzi u stima.  Hu għalhekk appella biex l-istituzzjonijiet edukattivi partikolarment dawk ta’ edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ jiftħu l-bibien taghhom ghal din l-innovazzjoni u jibdew minn issa jaraw kif l-ewwelnett il-kwalifiki jinbidlu fl-istruttura tagħhom u jkun mfassla fuq leaning outcomes (riżultat tat-tagħlim) u t-tieni li flimkien mall-Kunsill Malti għall-Kwalifiki jiddiskutu l-aħjar sistema ta’ akkreditazzjoni li tkun tixbaħ lil dik proposta mill-Kummissjoni Ewropeja.  

“Il-partecippazzjoni attiva fil-proċessi ta’ konsultazzjoni kemm dwar l-ECVET kif ukoll dwar il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki għandhom iwasslu biex is-sistema edukattiva tagħna tkompli timxi l-quddiem fil-kwalita’. L-ambizzjoni tal-Gvern hi li Malta sservi ta’ ċentru tat-tagħlim tul il-ħajja u ċentru tat-tagħlim vokazzjonali u taħriġ.  Biex dan isseħħ nenħtieġu flessibilta’ u tfassil ta’ kwalifiki li jattiraw l-industrja mhux internament biss, imma ukoll fir-reġjun tal-Mediterran u fl-Ewropa ta’ isfel.” qal Louis Galea. Il-Ministru  temm jgħid li “Malta għandha il-potenzjal biex dan jitlaħaq.  B’Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki mfassal fuq dak Ewropew u b’sistema ta’ credits fil-livelli kollha tal-Kwalifiki jkollna attrazzjoni mportanti ħafna biex is-settur tat-tagħlim f’pajjiżna jikber fuq livell internazzjonali.” 

Il-konferenza ġiet ukoll indirizzata mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr. Cecilia Borg, mis-Sur Karsten  Krüger tas-CEDEFOP (European Centre for the Development of Vocational Training), mis-Sur Anthony DeGiovanni - Direttur Studji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti, s-Sur Joseph Farrugia - Direttur Ġenerali tal-Malta Employers Association, Dr James Calleja - CEO tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, is-Sinj. Katya DeGiovanni, is-Sur Teddy Camilleri mill-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi (ITS) is-Sur Ray Farrugia, Registrar ta’ l-MCAST u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, is-Sur Frans Borg.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow