Diskors mill-Onor. Tonio Fenech, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Finanzi, fl-okkażjoni ta’ seminar fuq il-bidla għall-ewro immirat għal professjonisti li jaħdmu ma’ gruppi vulnerabbli – Salini – 15.03.2007
Sinjuri,
Ninsabu disa’ xhur u nofs bogħod milli nibdlu mill-Lira Maltija għal it-tieni l-ikbar munita fid-dinja: l-ewro – il-munita ta’ tlettax–il pajjiż b’popolazzjoni ta’ 320 miljun ċittadin. Malta, b’popolazzjoni ta’ 400,000 ruħ, hija anzjuża sabiex tidħol fiz-zona ewro. Fil-fatt fis-27 ta’ Frar 2007, il-Gvern Malti talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tassesja lil pajjiżna u teżamina jekk ilħaqniex il-kriterji meħtieġa.
Għal pajjiżna, l-adozzjoni ta’ ewro hija l-pass naturali li jmiss. Il-Gvern huwa kunfidenti dwar il-progress li twettaq sabiex il-finanzi tal-pajjiżi jiġu kkonsolidati kif ukoll dwar il-progress li qed jiġi rreġistrat fit-tkabbir ta’ l-ekonomija Malta. Dan għandu jgħin sabiex pajjiżna jilħaq il-kriterji ta’ Maastricht, liema kriterji huma ir-rekwiżiti sabiex wieħed ikun jista’ jidħol fiz-zona ta’ l-ewro. Is-sħubija fiz-zona ewro mhux biss għandha iggib benefiċċji mhux biss għal Malta iżda wkoll għaz-zona ewro. Il-pajjiżi kollha fiz-zona ewro huma kommessi sabiex jimx ma’ regoli stretti kemm fejn jidħol il-politika fiskali kif ukoll l-andament ta’ l-ekonomija.
It-tkabbir taz-zona ewro huwa proċess sinjifikanti u kontinwu għall-Unjoni Ewropeja. Tkabbir li fetaħ kapitlu ġdid fl-istorja ekonomika u monetarja ta’ l-istess Unjoni. Fuq kollox, l-Unjoni Ewropeja hija wkoll pijuniera ta’ proċessi oħra ferm importanti bħt-twettiq ta’ suq miftuħ u it-tnedija ta’ politika ekonomika ko-ordinata. It-tkabbir taz-zona ewro se jwassal għal opportunitajiet ġodda kemm għal konsumaturi kif ukoll għas-sidien tan-negozji. Fuq kollox, dan it-tkabbir se jżid id-dinamiżmu li bih isir il-kummerċ fiz-zona ewro. Pajjiżna jinsab fit-triq it-tajba sabiex jagħmel dan il-pass.
Dan huwa fil-fatt mument ieħor storiku għal pajjiżna. Huwa wkoll storiku l-fatt li għall-ewwel darba f’pajjiżna hawn qbil dwar proġett nazzjonali ta’ din l-iskala. Bi Prodott Gross Domestiku ta’ madwar Lm4.5 biljuni u b’popolazzjoni ta’ 400,000 ruħ fi gżira żgħira, Malta hija l-iżgħar pajjiż iżda l-ogħla wieħed fejn tidħol id-densita’ tal-popolazzjoni. Pajjiżna huwa wkoll il-ħames l-iktar pajjiż b’ekonomija miftuħa small. Dawn il-fatturi joffrulna sfida. B’mod ċar, ekonomija bħal tagħna għandha x’tigwadanja mill-fatt lit kun integrata b’mod ekonomiku u monetarju maz-zona ta’ l-ewro. Dan isaħħaħ il-kredibilta’ ta’ Malta kemm f’termini ta’ stabbilita’ kif ukoll dik politika.
Fejn jidħlu preparamenti tekniċi u prattiċi għamilna passi l’quddiem sew. Dawn huma meħtieġa sabiex nassiguraw li jkollna bidla mingħajr skossi u li minnha jgawdi kullħadd. Il-Kummissjoni Ewropea irrikonoxxiet il-fatt li l-pjan li qed nimxu fuqu huwa wieħed li għandu jħalli riżultati. Dan huwa pjan dettaljat u li jħares lejn diversi aspetti meħtieġa fil-bidla. Fil-fatt, il-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro, li ġie mwaqqaf mill-Gvern fit-13 ta’ Ġunju 2005, rnexxielu jgħaqqad flimkien diversi setturi tas-soċjeta inkluż dak pubbliku, tan-negozju, tal-konsumatur kif ukoll is-soċjeta ċivili. Dan sabiex jiġi assigurat li dawn jibdew ihejju għal din il-bidla. Il-kampanja ta’ informazzjoni tal-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro qed iwettaq kampanja ta’ informazzjoni, li iktar kemm jgħaddi żmien qed tiżdied fid-doża tagħha u tilħaq lil partijiet kollha tas-soċjeta.
Sinjuri,
Irridu nżommu f’moħħna li kien hemm pajjiżi li kellhom seba’ snin ċans sabiex jippreparaw ruħhom għal din il-bidla. Għalek huwa ferm importanti li f’pajjiżna kullħadd, kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat, jkomplu jaħdmu id f’id sabiex jassiguraw li din tkun bidla ta’ suċċess.
Il-Gvern jemmen li is-settur soċjali huwa pilastru ewlieni fi ħdan l-aġenda tiegħu. Kif indika l-Prim Ministru fid-diskors tal-budget tiegħu għal din is-sena:
Is-settur soċjali se jibqa’ l-pilastru ewlieni tal-politika tal-Gvern. Dan huwa settur li jsaħħaħ is-soċjeta Maltija u jikkontribwixxi b’mod indirett għat-titjib fl-ekonomija.
Fl-aħħar snin, il-Gvern żied in-nefqa tiegħu f’dan ir-rigward b’mod sostanzjali. L-investiment f’servizzi soċjali, partikolarment f’servizzi relatati mat-tfal, ma’ l-edukazzjoni, l-welfare, l-anzjani kif ukoll l-obligi tagħna li ngħinu lil min jeħtieġ assistenza umanitarja, u dawk li ġejjin minn pajjiżi extra-komunitarji żdied u żdied sostanzjalment. Minbarra dan investejna wkoll fit-taħriġ tar-riżorsi umani.
Filwaqt li l-ewro jġib benefiċji ċari u mmedjati, jġib miegħu sfida wkoll. Nies li għandhom problemi fiżiċi jew ekonomiċi jista’ jagħti it-tendenza li dawn jħarsu lejn din il-bidla b’mod differenti milli nħarsu lejha aħna. Fil-fatt l-ewro jista’ jippreżenta sfida iebsa u nuqqas ta’ sikurezza lil dan is-settur. Jekk ma ngħinux lil dawn il-persuni, jista’ jagħti l-każ li dawn l-iżvantaġġi jwasslu ghal din in-nuqqas ta’ sikurezza.
Bħala professjonisti li taħdmu fis-settur soċjali u ma’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna jew għaddejjin minn perjodu diffiċli, għandkom rwol kruċjali. Ninsab konvint li l-attitudni professjonali tagħkom mal-klijenti tagħkom ħolqot fiduċja minn naħa tagħhom fikom. Ix-xogħol tagħkom jinkludi l-assistenza diretta kemm bħala pariri kif ukoll dik fiżika. Din it-triq għandha tkun il-waħda li sservi sabiex il-klijenti tagħkkom jifhmu u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-bidla mill-Lira Maltija għall-ewro. Bis-saħħa ta’ hekk, nistgħu nibnu kunfidenza f’dan il-pass storiku ma’ dawn il-persuni.
Minkejja li qed ninvestu ħafna fil-kampanja ta’ informazzjoni u fil-provvista ta’ informazzjoni lill-kullħadd, ninsabu konvinti li ħadd ħlief intom ma huwa effettiv biżżejjed sabiex jilħaq lill-gruppi vulnerabbli, kemm jekk huma nies neqsin mid-dawl, kemm jekk bi problema fit-tlissin tal-lingwaġġ, b’livell ta’ edukazzjoni baxx jew bi problemi mentali biex insemmi ftit.
Li tipparteċipaw f’dan il-proċess għandu jkun ta’ unur għalikom. Dan huwa proprju xi jfisser li wieħed ikun soċjali ma’ ħaddieħor. Sħubija fl-Unjoni Ewropeja tfisser proprju li sseħibna f’istituzzjoni fejn il-politika soċjali hija tant wiesa’ u b’miri ċari.
Ninsab ċert li bosta minnkom huma nvoluti fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawn il-persuni. Ghaldaqstant, m’hemmx dubju li għal bosta mill-klijenti tagħkom, jekk mhux għal kollha, l-adozzjoni ta’ l-ewro se tkun pre-okkupazzjoni li se tiżdied iktar kemm noqorbu għal ġurnata li fiha nibdlu l-munita tagħna. L-involviment tagħkom għandu jassigura li dawn il-persuni jkunu mħarrġa u infurmati fuq is-suġġett, Persważ li huma se jitolbu dan ukoll mingħandkom. Bħala kontinwita’ ma’ dan is-seminar tal-llum, nixtiequ li intom minn issa l’quddiem tibdew tinkludi l-ewro bħala wieħed mis-suġġetti li titkellmu fuqu mal-klijenti tagħkom. Kif diġa smajtu, l-NECC se jkun qed jipprovdilkhom l-għodda kollha neċessarja sabiex ir-relazzjoni bejnkom u bejn il-klijenti tagħkom fuq dan is-suġġett tkun tista’ timmaterjalizza ruħha.
Sinjuri,
Nixtieq nikkonkludi billi nirringrazzjakhom ta’ l-isforzi kollha li tagħmlu ta’ kuljum sabiex tassiguraw li ttejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawn il-persuni. Nista’ ngħid li intom is-sinsla tal-ħidma soċjali. Diġa qed naraw riżultati pożittivi fil-proċess tal-bidla għall-ewro, iżda fadal ħafna xogħol xi jsir. Hemm bżonn li nkomplu għaddejjin b’din il-ħidma u kollaborazzjoni.
Il-ħidma tagħkom f’dan il-proċess mhux biss hija bżonjuża iżda wkoll essenzjali. L-ebda pajjiż ma jista’ jkollu bidla mingħajr skossi u ta’ suċċess mingħajr il-ħidma mill-qalb ta’ nies bħalkom li jaħdmu ma’ dawk li fostna huma vulnerabbli.
“L-ewro…fl-interess tagħna lkoll” hija it-tema li għażilna fil-bidu tal-kampanja ta’ kommunikazzjoni. Sabiex nassiguraw li l-ewro jġib il-benefiċċji kollha marbuta miegħu, hemm bżonn nassistu u nakkumpanjaw persuni vulnerabbli matul din il-bidla. Ejja nkomplu naħdmu flimkien sabiex ngħinu lil dawn il-persuni li diġa’ għaddejjin minn ċerti diffikultajiet. Verament nispera li s-seminar tal-llum wassalna sabiex nifhmu iktar x’tinvolvi din il-bidla u assigurakhom li se naħdmu flimkien sabiex nilħqu għan wieħed.
Grazzi ħafna.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959