IL-PRIM MINISTRU JZUR DAR PIROTTA: RESIDENZA FIL-KOMUNITÀ GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ TIĠI ALLOKATA S-SOMMA TA’ LM75,000 (€174,703)
L-impenn ta’ dan il-Gvern lejn il-persuni b’diżabilità huwa wieħed intensiv u kontinwu kif jistgħu jixħdu n-nies b’diżabilità nfushom.
Dan qalu l-Prim Ministru meta kien qed iżur Dar Pirotta ġewwa Birkirkara flimkien mal-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onorevoli Dolores Cristina. Dar Pirotta hija residenza fil-komunità għal persuni b’diżabilità fejn gew allokati Lm75,000 (€174,703) sabiex persuni b’diżabilità jingħatalhom servizz residenzjali komprensiv li jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Din id-dar turi biċ-ċar fejn tista’ twassal il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja li fil-fatt ser tkun qed tmexxi Dar Pirotta.
“Din hija l-politika u l-viżjoni ta’ dan il-Gvern. Hija l-politika li tagħraf id-dritt tal-persuni b’diżabilità li jibqgħu f’ambjent familjari għalihom, fejn huma jkunu aktar predisposti jieħdu sehem attiv fis-soċjetà tagħna. Aħna nisħqu fuq l-integrazzjoni u ma rridux naraw lil persuni b’diżabilità jingħalqu x’imkien. F’kull settur, u partikolarment dak tad-diżabilità, il-Gvern jagħti widen għal dak li għandhom xi jgħidu dawk kollha involuti, u aktar minn hekk, jattwa l-proposti mressqa lilu kull fejn ikun possibbli u fl-aħjar interess tal-poplu Malti.”
Dar Pirotta huwa eżempju ieħor ta’ kif dan il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex, permezz tas-servizzi li jiġu offruti lil persuni b’diżabilità, dawn ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunitajiet tagħhom, imdawrin bil-familji tagħhom, il-ħbieb tagħhom, u l-ambjent familjari għalihom, qalet il-Ministru Cristina. “Dan huwa l-ħsieb ukoll wara ċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabilità li nsibu madwar Malta u Għawdex. Dawn iċ-ċentri issa ġew taħt l-Aġenzija SAPPORT fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħi. Dan għamilnih biex nilħqu aktar lil persuni b’diżabilità u naqdu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom permezz tal-viżjoni ta’ dan il-Gvern li s-servizzi pprovduti fil-qasam tad-diżabilità jkunu kollha amalgamati fl-Aġenzija SAPPORT,” qalet il-Ministru Cristina. Hija fakkret li din l-Aġenzija tat numru rekord ta’ servizzi lil numru rekord ta’ nies bl-akbar budget li qatt kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-budget ta’ l-2007 ta’ l-Aġenzija SAPPORT jammonta għal aktar minn żewġ miljun, liema budget żdied bi kważi kwart ta’ miljun aktar mis-sena li għaddiet. “Dan kollu huwa għal benefiċċju tan-nies b’diżabilità u l-familji tagħhom,” temmet il-Ministru Cristina, “għaliex aħna nemmnu li l-għajnuna li noffru lil dawn il-familji ser tkompli ssaħħaħ il-komunitajiet tagħna u s-soċjetà tagħna kollha kemm hi.”
Meta tiftaħ, Dar Pirotta ser tagħti servizz lil min l-aktar jeħtieġ fid-dawl tar-riżorsi u l-faċilitajiet disponibbli. Huwa maħsub li din id-dar takkommoda tmien persuni li għandhom bżonn livelli differenti ta’ kura u sostenn. Il-persuni li jidħlu ġewwa din ir-residenza ser ikunu riferuti mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali permezz ta’ l-Aġenzija Sapport lill-Admissions’ Board imwaqqaf mill-Arċidjocesi. L-Arċidjoċesi minn naħa tagħha ser tħajjar lill-parroċċi tal-lokalità li fiha qiegħda Dar Pirotta biex il-membri tal-komunitajiet parrokkjali rispettivi tagħhom isostnu lil din id-dar b'xogħol volontarju u b'għajnuna finanzjarja.
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ser jgħaddi Lm 20,000 (€46,587.47) lill-Arċidjoċesi kull sena bħala rappreżentanza ta’ ħlas akkont bil-quddiem għal perjodu ta’ sena. Fil-fatt, illum ingħata l-ewwel pagament ta’ dan it-tip mill-Prim Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959