IL-MINISTRU LOUIS DEGUARA JATTENDI LAQGĦA "PARTNERSHIP AND RESPONSIBILITY – TOGETHER AGAINST HIV/AIDS" FI BREMEN
F’dawn il-ġranet il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, it-Tabib Louis Deguara, attenda għal-Laqgħa tal-Ministri tal-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi tal-madwar, li saret fi Bremen il-Ġermanja bit-titlu "Partnership and Responsibility – Together against HIV/Aids" (Flimkien u b'Responsabiltà - Maqgħudin kontra l-HIV/Aids). Din il-konferenza kienet organizzata mill-Ġermanja li bħalissa għandha l-Presidenza Ewropea. Attendew diversi Ministri u rappreżentanti ta’ Gvernijiet Ewropej, rappreżentanti ta’ l-Unjoni Ewropea flimkien ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi.
Din il-laqgħa ddiskutiet dak li kien ħareġ f’konferenzi simili dwar l-HIV/AIDS li kienu saru f’Dublin u Vilnius u kompliet tibni fuq il-kunklużjonijiet ta’ dawk iż-żewġ konferenzi. Il-programm iffoka fuq il-bżonn assolut tal-koperazzjoni bejn il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili biex tiġi miġġielda l-problema tal-HIV/AIDS.
Il-konferenza offriet opportunità biex matul il-Partnership Forum politiċi u sħab soċjali qasmu esperjenzi dwar l-istrateġiji preventivi u d-diversi miżuri fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS.
Saru diversi interventi fosthom id-diskors ewlieni mill-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Diskorsi oħra saru minn esperti f'dan is-settur kif ukoll minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fosthom omosesswali u nies morda bl-Aids.
Fl-aħħar tal-Konferenza nħarget id-Dikjarazzjoni ta’ Bremen fejn filwaqt li ġie rikonoxxut il-kobor u l-periklu kbir ta' din il-pandemija globali, tħeġġeġ għall-impenn li għandu jkun hemm minn kulħadd biex jitwettaq programm ta’ azzjoni. Il-ġlieda kontra din il-marda trid issir minn kulħadd fosthom mill-politiċi li jridu jagħmlu l-liġijiet li jippromwovu u jiggarantixxu d-drittijiet ta’ dawk l-iktar vulnerabbli għal din il-marda bħal dawk li jieħdu d-droga, l-omosesswali, l-emigranti u dawk involuti fil-prostituzzjoni. Id-Dikjarazzjoni tisħaq fuq l-isforz li għandu jsir biex jiġu promossi metodi ta’ prevenzjoni kontra l-Aids u mard ieħor trasmess sesswalment. Hu importanti wkoll li tissaħħaħ l-edukazzjoni sesswali u s-servizzi ta’ counselling. Hemm bżonn ta’ kampanji edukattivi ta’ prevenzjoni, immirati lejn gruppi partikulari fejn trid tiġi spjegata l-importanza ta’ metodi preventivi bħal l-użu tal-condoms.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959